Kronaka
BIL-FILMAT: Arrestat wieħed mis-suspettati fil-qtil doppju f’Tas-Sliema

Il-Pulizija llum waranofsinhar arrestaw lil allegat suspettat ewlieni fil-qtil tad-doppju ta’ bħal-lum ġimgħa f’Tas-Sliema. F’operazzjoni delikata mill-Pulizija, illum waranofsinhar f’dar li tidher abbandunata fil-Floriana, instabet ukoll l-arma tan-nar li allegatament intużat biex inqatlu t-Tabib Chris Pandolfino ta’ 58 sena u Ivor Maciejowski ta’ 30 sena. F’raid li sar fid-dar fil-Floriana, il-Pulizija arrestaw lil Daniel Muka, Albaniż ta’ 30 sena li huwa magħruf sew mal-Pulizija tant li fl-aħħar snin kien tressaq il-Qorti mixli bil-hold up f’Tigne’ u bl-attentat ta’ qtil ta’ tliet Pulizija fl-2017.

Wara bosta jiem ta’ investigazzjonijiet intensivi għal ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar il-Pulizija ċċirkondaw dar fil-Floriana u sparaw madwar sitt tiri ta’ twissija fid-direzzjoni tagħha fost suspetti li fiha kien hemm l-Albaniż Daniel Muka li sorsi qalu li hu s-suspettat ewlieni fil-qtil doppju ta’ Dr Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski li seħħ it-Tlieta li għadda f’residenza fi Triq Locker f’Tas-Sliema.

Tul it-tfittxija fir-residenza, il-Pulizija allegatament sabet l-arma tan-nar li x’aktarx intużat fid-delitt. L-arma dehret tiġi elevata u ppreservata f’borża tal-plastik. Mill-istess post ġew elevati oġġetti oħrajn li mistennija jgħinu lill-Pulizija fl-istħarriġ tagħha fuq dan il-każ u possibilment każijiet oħrajn. Dan għaliex is-suspetatti huma magħrufa fiċ-ċrieki kriminali fosthom is-serq u t-traffikar tad-droga.

Sorsi qalu li l-Pulizija kienet ilha diversi jiem tipprova ssib lil Daniel Muka li allegatament hu u żewġ suspettati oħra inqabdu f’filmati miġbuda mill-kameras tas-sigurtà u gew identifikati. Sa issa għad mhux magħruf jekk il-Pulizija arrestatx lis-suspettati l-oħrajn li allegatament kienu miegħu biex twettaq id-delitt doppju.

Kif żvela TVM, il-karozza li ħarbu biha s-suspettati nstabet abbandunata fil-parkeġġ tal-isptar San Luqa l-Ħamis li għadda inqas minn 36 siegħa wara d-delitt. Il-karozza kienet insterqet sentejn ilu mill-Gżira u fiha l-Pulizija sabet tagħmir sofistikat li bih is-suspettati ppruvaw jostakolaw il-frekwenzi tar-radju u l-mobiles.

Ara wkoll:

It-tabib Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski huma l-vittmi tad-delitt doppju f’Tas-Sliema