Barranin
BIL-FILMAT: Bomba oħra f’moskea fl-Afganistan waqt it-talb tal-Ġimgħa

Bomba ġewwa moskea f’Kandahar, l-Afganistan, qatlet 37 persuna u ħalliet 70 oħra feruti.

Għalkemm s’issa m’hemmx konferma ta’ dak li ġara jidher li għal darb’oħra l-attakk kien wieħed suwiċida.

Din kienet it-tieni bomba li ġiet sploduta f’moskea fi żmien ġimgħa. Bħal-lum ġimgħa attakk-suwiċida fil-belt ta’ Kunduz qatel mal-50 persuna.

L-IS-K, il-fergħa tal-ISIS fl-Afganistan, ħadet ir-responsabbiltà tal-attakki. Hija qed topponi lit-Talibani minħabba d-diverġenzi reliġjużi.

Il-jum tal-Ġimgħa huwa magħruf bħala l-jum li fih ħafna Musulmani jmorru jitolbu fil-moskei u għalhekk dawn ġeneralment ikunu mimlija bin-nies.