Kurżitajiet
BIL-FILMAT: Il-mużiċista li ddoqq lill-pazjenti li qed imutu biex tikkalmahom

Darba fil-ġimgħa Claire Oppert, mużiċista li ddoqq il-‘violincello’, tmur fir-residenza Jeanne Garnier f’Pariġi biex permezz tal-mużika tagħti ftit wens lill-pazjenti li jkunu waslu fl-aħħar jiem ta’ ħajjithom.

Oppert, li għandha 55 sena u ilha 10 snin tagħmel dan ix-xogħol, tgħid li ċertu pazjenti jibqgħu muġugħa minkejja li jkunu qed jingħataw il-morfina u għalhekk il-mużika hija maħsuba biex tgħinhom inaqqsu l-uġigħ.

Micheline Leroux, pazjenta li għandha l-kanċer u qed tgħix fl-istess residenza, issostni li hija għaddejja minn uġigħ kontinwu imma l-mużika tgħinha. Hija tħobb tisma’ l-aktar l-Adagio ta’ Albinoni.

L-istaff tar-residenza kkonferma li Oppert qed tgħin lir-residenti jtaffu l-uġigħ fi żmien diffiċli għalihom u nnota wara li titlaq isibuhom iktar kalmi u, f’ċertu drabi, kuntenti.