Kurżitajiet
BIL-FILMAT: Xjenzati jħarrġu baqar biex jużaw “toilet” ħalli jonqos it-tniġġis

Il-baqar jistgħu jiġu mħarrġa biex jużaw post wieħed bħala toilet u b’hekk jonqos it-tniġġis.

Kienu xjenzati fil-Ġermanja li kkonkludew dan wara studju li fih ħarrġu numru ta’ baqar biex jidħlu f’post partikolari fejn jaqdu l-bżonnijiet tagħhom. Wara jinġabar u jiġi trattat.

L-ammonia mill-awrina tal-baqar tinbidel nitrogenous oxide meta titħallat mal-ħamrija u huwa kkalkulat li 10% tat-tniġġiż huwa relatat mal-merħliet.

F’dan l-istudju x-xjenzati użaw 16-il baqra u tawhom jieklu, bħala rigal, wara li daħlu f’dik li l-istess xjenzata sejħulha l-MooLoo.

Dawk il-baqar li għamlu l-awrina barra l-MooLoo xxarrbu bl-ilma għal tliet sekondi.

Fi tmiem l-istudju x-xjenzati sabu li 11 mis-16-il baqra tħarrġu biex jidħlu fiż-żona partikolari biex jaqdu l-bżonnijiet tagħhom.

Ir-riċerkaturi qed jgħidu li jekk jiġbru 80% tal-awrina tal-baqar, it-tniġġis fl-ambjent mill-ammonia jonqos b’56%.