Kronaka
AĠĠORNAT: Xufier ta’ mutur iweġġa’ gravi f’inċident fil-Ħamrun

Raġel ta’ 30 sena min-Nepal weġġa’ gravi wara li ħabat bil-mutur fil-Ħamrun waqt li kien qed iwassal l-ikel għall-kumpanija li jaħdem magħha.

Il-Pulizija qalet li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-11.30am fi Triq il-Kbira San Ġużepp.

tvm.com.mt jinsab infurmat li l-ħabta seħħet bejn il-mutur Kymco li kien qed jinstaq fid-direzzjoni lejn St Venera ma’ karozza Nissan, misjuqa minn mara ta’ 53 sena minn Marsaskala, li kienet ħierġa minn Triq San Tumas għal strada rjali.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-isptar Mater Dei għall-kura.

Il-Pulizija għalqet parti mit-triq sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet, bil-konsegwenza li nġema’ ammont ta’ traffiku.