Bil-filmat: Żewġ suspettati jiġru fuq il-bjut wara li semgħu s-sireni tal-pulizija

Intervent f’waqtu mill-Pulizija x’aktarx li sfratta aktar serqiet minn residenzi f’Tas-Sliema. Dan hekk kif ilbieraħ filgħaxija residenti innutaw żewġt irġiel suspettużi qed jiġru fuq il-bjut’. Għalkemm l-irġiel irnexxilhom jaħarbu, il-Pulizija qed tistħarreġ ir-ritratti li ttieħdu mir-residenti li lemħuhom u l-filmati li nġibdu mill-kameras tas-sigurtà li tvm.com.mt għandu kopja tagħhom.

Żewġ żgħażagħ suspettużi l-Ħadd filgħaxija dehru jiġru fuq il-bjut ta’ blokok ta’ appartamenti fi Triq it-Torri Tas-Sliema, fl-istess żona fejn fl-aħħar xhur kienu rappurtati serqiet minn residenzi privati.

Resident fi Triq Adrian Dingli li tkellem ma’ tvm.com.mt qal li waqt li hu u martu kienu fuq il-bejt, lemħu liż-żewġ ġuvintur ta’ bejn l-20 u t-30 sena jaqbżu minn bejt għall-ieħor. Spjegalna li wieħed minnhom ma kienx libes flokk waqt li l-ieħor kien liebes flokk tax-xitwa bil-barnuża mqabda miegħu. Kif raw hekk, ċemplu lill-Pulizija u f’ħakka t’għajn bdew jinstemgħu is-sireni tal-karozzi tal-Pulizija ġejjin mid-direzzjoni ta’ Triq it-Torri.

Numru imdaqqas ta’ pulizija ħadu sehem fit-tfittxija li iżda ma tat ebda riżultati. Jidher li l-persuni suspettati li dehru anke fuq camera tas-sigurtà, ħarbu malli semgħu s-sireni tal-pulizija. Fl-aħħar jiem il-pulizija żiedu r-rondi f’Tas-Sliema u r-residenti li għamlu r-rapport taż-żewġ persuni suspettati ikkonfermaw ma’ tvm.com.mt li l-pulizija kienu pronti biex waslu fuq il-post.

Skont sorsi li tkellmu ma’ tvm.com.mt, l-aktar residenzi li kienu fil-mira tal-ħallelin kienu propjetajiet ta’ anzjani li issa qed joqgħodu b’seba’ għajnejn tant li ħafna minnhom qed jibżgħu joħorġu mid-dar. Fl-aħħar ġimgħat, residenti f’din iż-żona komplew ifittxu aktar mezzi kif jistgħu jserrħu moħħhom u jagħmuha aktar diffiċli għall-ħallelin biex jidħlu fi djarhom, billi fost l-oħrajn xtraw serraturi aktar sofistikati u investew f’sistemi ta’ alarms u kameras tas-sigurtà.

Ir-residenti qed ikunu mħeġġa biex hekk kif jinnutaw xi ħaġa suspettuża, minnufih jgħarfu lill-Pulizija waqt li ma jħallux għodod jew slielem fil-btieħi jew fuq il-bjut.

 

Aktar kmieni: Persuni suspettati li setgħu kienu involuti fil-mewġa ta’ serq minn djar privati f’Tas-Sliema, reġgħu rnexxielhom jiżgiċċaw lill-pulizija.

serqtvm.com.mt għandu filmati li juri l-persuni suspettati jiġru fuq il-bjut ta’ djar fi Triq Dingli, f’Tas-Sliema l-bieraħ filgħaxija.

Mara li tkellmet magħna, qalet li rat żewġt żgħażagħ ta’ madwar 20 sena, li ħarbu jiġru fuq il-bjut malli semgħu s-sireni tal-Pulizija.

Huwa mifhum li l-Pulizija marru fuq il-post wara rapport li kellha dwar serq.

Il-mara li tkellmet ma’ tvm.com.mt qalet li wieħed miż-żewġ żgħażagħ kien b’żaqqu barra u l-ieħor kien liebes barnuża tax-xitwa f’rasu.

L-istħarriġ tal-pulizija għadu għaddej.

Fl-aħħar ġranet il-pulizija żiedet ir-rondi f’Tas-Sliema.

Aktar dettalji kif jaslulna.

 

 

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

It-tabib tal-emerġenza, Michael Spiteri esprima d-diżżapunt tiegħu fuq il-media soċjali għall-fatt li lbieraħ filgħaxija partitarji tal-Floriana inġabru f’attività tal-massa fuq il-Fosos, sabiex jiċċelebraw id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol li vvutaw…

COVID-19

Il-Coronavirus qed jolqot sew l-Amerka Ċentrali li saret l-epiċentru tal-pandemija. Fi Gwatemala, żewġ saċerdoti missjunarji Għawdxin qalu li fl-aħħar ġimgħat, il-faqar kompla jgħolli rasu b’saħanisitra familji qed itajru bandiera bajda…

COVID-19

Sidien ta’ ristoranti li fetħu fi tmiem il-ġimgħa wara aktar minn xahrejn magħluqa qalu lil TVM li minkejja li kien bidu kwiet, iħossuhom pożittivi għaliex il-klijenti qed juru sinjali ta’…

Aktar