Lokali
Pazjenti fl-aħħar stadji ta’ ħajjithom se jkunu mgħejjuna f’dak kollu li hemm bżonn

Miexi ġmielu x-xogħol fuq il-proġett tal-kumpless ta’ kura paljattiva ta’ St Michael Hospice f’Santa Venera. Dan il-proġett tal-Hospice Malta se jkun qed joffri għall-ewwel darba servizzi residenzjali lill-pazjenti li ma jkunux jistgħu jibqgħu f’darhom.

St Michael Hospice se joffri wkoll is-servizzi ta’ kura għal matul il-jum li li tagħti l-Hospice lill-pazjenti morda b’kanċer. Il-pjan hu li St Michael Hospice jibda joffri l-ewwel servizzi tiegħu lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla.

Mid-daħla ewlenija ta’ dan il-post, wieħed se jsib jilqgħu ġnien u mal-ġenb tal-bini se jkun hemm parkeġġ taħt l-art. In-naħa l-oħra tal-bini se jintuża għat-tagħmir li jużaw ħafna pazjenti tal-kanċer li jibqgħu jgħixu d-dar. Hospice Malta toffri dan is-servizz b’xejn u fil-kumpless il-ġdid wieħed se jkun jista’ jidħol bil-karozza u jgħabbi l-apparat b’mod iżjed faċli.

Il-Perit tal-proġett, Claude Borg, spjega kif il-binja se tkun maqsuma fi tnejn – fuq naħa se jkun hemm parti għall-pazjenti li jingħataw kura 24 siegħa kuljum, u fuq naħa oħra għall-pazjenti li jidħlu għal servizzi matul il-jum.

“Hawnhekk kellna swali kbar ħafna u għall-bżonn tal-proġett kellna bżonn numru ta’ kmamar għall-pazjenti li jkunu in patients u jkollhom il-kamra tagħhom, u diġa bdejna dal-proċess li bnejna l-kmamar ġo dawn l-ispazji, saqqafnihom diġa, u issa qed inkomplu bis-servizzi allura kellna nagħmlu skavar biex nippreparaw għall-pipework. Għandna naħa oħra li se tkun d-daycare li civil works ukoll lestejnih u għandna section oħra fejn ikun hemm l-equipment area.”

Andrew Zammit minn Hospice Malta spjega li l-proġett jinsab miexi skont kif skedat u għalhekk mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla jew il-bidu tas-sena 2023. Qal li sal-lum Hospice Malta toffri għajnuna lil madwar 1,300 pazjent fis-sena, iżda ladarba jinfetaħ St Michael Hospice se tkun tista’ tgħin id-doppju tal-pazjenti.

“L-għan u l-ħsieb huwa li noffru l-kura paljattiva filwaqt li hemm bżonnha, lil kull min għandu bżonnha taħt saqaf wieħed jiġifieri l-għan aħħari huwa li niġbru s-servizzi kollha li preżentement tagħti Hospice kif ukoll noffru servizzi ġodda kemm fil-komunita’ kif ukoll għall-ewwel darba bl-in patient unit li se jkollna meta jitlesta dan il-proġett.”

Andrew Zammit qal li l-parti ta’ St Michael Hospice fejn se jkun hemm il-pazjenti 24 siegħa se jkun fiha 16-il kamra.

“L-intenzjoni hi li l-pazjenti fl-aħħar stadji sfortunatament tal-ħajja tagħhom ikunu mgħejjuna b’dak kollu li jkun hemm bżonn fl-in patient unit però l-maġġoranza tas-servizzi se jibqgħu jingħataw kif jingħataw illum jiġifieri servizzi li jingħataw fid-djar tal-pazjenti stess. Servizzi tas-saħħa li jinkludu pain management, servizz ta’ carers, servizz ta’ fiżjoterapista, loans t’apparat speċjali se jkollna diviżjoni sħiħa ta’ apparat mediku li jiswa ħafna flus u allura hemm dak il-barrier finanzjarju kultant il-pazjent ma jkunx jista’ jaffordjah u aħna nisilfuh kompletament b’xejn dan, kif ukoll servizzi oħra fosthom psikoloġiċi.”

Il-binja, li qabel kienet l-Istitut Adelaide Cini, f’Santa Venera ngħatat lill-Hospice mill-Knisja madwar sena u nofs ilu. Il-proġett b’kollox se jiswa 12-il miljun ewro u nofs lill-Hospice u għalih ingħatat l-għajnuna mill-Gvern u fondi Ewropej. Iżda biex jitlesta St Michael Hospice, din l-entità qed isserraħ ukoll fuq l-għajnuna u d-donazzjonijiet tan-nies.