Barranin
Bini li ma waqax bil-bomba ta’ Hiroshima se jitwaqqa’ issa?

Kontroversja fil-belt ta’ Hiroshima, fil-Ġappun, hekk kif l-awtoritajiet qed jippjanaw li jwaqqgħu żewġ binjiet li ma ġġarrfux bil-bomba atomika tal-1945.

Għadd ta’ residenti qed isostnu li l-bini li tela’ fl-1913 għandu jiġi ppreservat bħala monument li jfakkar it-traġedja li ħalliet mat-80,000 persuna mejta.

Dan il-bini kien jintuża fil-bidu bħala fabbrika tal-ħwejjeġ militari, iktar tard bħala akkomodazzjoni tal-istudenti universitarji, u wara l-bomba ntuża bħala sptar.

Iż-żewġ strutturi huma fost 85 li nbnew qabel il-bomba u li baqgħu ma ġġarrfux sal-lum il-ġurnata, minkejja li kienu sa ħames kilometri mill-post fejn splodiet il-bomba.

Fl-2017 l-awtoritajiet ta’ Hiroshima kkonkludew li ż-żewġ binjiet għandhom ċans kbir li jiġġarrfu f’terremot qawwi, u ġaladarba mhumiex jintużaw, ġie deċiż li jitwaqqgħu sal-2022.