Lokali
Binja ġdida għal tfal u żgħażagħ taħt ħarsien alternattiv

Id-direttorat responsabbli għall-kura alternattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ se jkun qed jopera s-servizzi kollha tiegħu minn binja ġdida f’Santa Venera. Din il-binja se tkun lesta s-sena d-dieħla u se tiġbor taħt saqaf wieħed is-servizzi li jaqgħu taħt dan id-direttorat li jħaddem mal-200 ruħ.

Fi żjara fil-post, il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-proġett se jkompli jqarreb is-servizzi soċjali lejn il-komunità.

Id-direttorat għall-kura alternattiva għat-tfal fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, se jkun qed jopera minn binja ġdida f’Santa Venera li tagħmel parti minn proġett b’investiment ta’ 2 miljun ewro.

Minn din il-binja se jibdew jingħataw is-servizzi kollha dwar il-ħarsien tat-tfal li jinkludu l-fostering u l-adozzjonijiet, servizz ta’ aċċess b’supervizjoni, kura medika mill-konsulent pedjatriku tad-direttorat u infermiera speċjalizzati, is-servizzi taż-żgħażagħ f’kura alternattiva, u l-after-care għal żgħażagħ li jkunu ħerġin mis-sistema biex jibdew ħajja indipendenti, kif ukoll is-servizz soċjo legali.

Il-binja saret apposta biex tikkonsma b’effiċjenza l-enerġija, tant li għandha ħġieġ double glazed u skont l-ogħla standards tas-saħħa u s-sigurtà. Hija wkoll aċċessibbli għal kulħadd b’lift mill-parkeġġ.

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li minn hawnhekk se titwettaq ħidma skont kif tistipula l-liġi dwar il-protezzjoni minuri u l-ħarsien alternattiv. Qal, li bit-tlestija tal-binja l-ġdida se tkun qed titwettaq wegħda elettorali li kien hemm fil-manifest elettorali tal-2013 biex jitwaqqaf ċentru għall-fostering.

“L-iskop tal-binja hu li niġbru f’daqqa flimkien is-servizzi kollha dwar il-ħarsien tat-tfal huwa importanti għax int l-ambjent se jkun qed jiffaċilita din il-ħidma u iktar iminn hekk konvinti li s-servizz se jkun qed jitjieb ukoll.”

Il-Ministru Falzon ħabbar ukoll li dalwaqt li se tibda topera Children’s House biex it-tfal li jintalbu jixhdu f’każi tal-qorti jkollhom ambjent san.

“Children’s house huwa post li meta jiġu biex jixhdu l-minuri jixhdu f’ambjent diferenti minn dak tal-Qorti, ambjent differenti u akkoljenti li għandu premises għalih u hemm ukoll se nwettqu xi ħaġa oħra fl-interessi tal-ħarsien tat-tfal.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti qal li huwa ppjanat li din il-binja tibda topera minn Ġunju tas-sena d-dieħla.