Lokali
Binja li kienet skola fir-Rabat Għawdex se tinbidel f’mużew

Il-binja li kienet tintuża bħala skola tal-Boys’ Lyceum fir-Rabat Għawdex se ssir mużew u ċentru kulturali għal Għawdex. Dan wara li l-Kummissjoni tal-Ippjanar approvat dan il-proġett.

Il-Mużew t’Għawdex se jilqa’ fi ħdanu kollezzjonijiet storiċi li bħalissa jinsabu f’mużewijiet żgħar fiċ-Ċittadella. Il-mużew se jkun fih ukoll l-istorja naturali, affarijiet marbuta mal-arkeoloġija, folklor, arti u etnografija.

Flimkien ma’ dan kollu se jkun hemm ukoll l-arti viżwali u spazji għall-esebizzjonijiet temporanji.

Fl-istess binja se jkun hemm ukoll l-uffiċjini ta’ Heritage Malta, ħanut, kafeterija u spazju għall-konferenzi.

Ix-xogħlijiet li se jsiru f’dan il-proġettt jinkludu wkoll restawr tal-arkitettura li tmur lura għall-1950 li kienet iddisinjata mill-Perit Joseph G. Huntingford.

Il-blokka fejn kienet il-librerija, li nbniet fis-sebgħinijiet, se titwaqqa’ u terġa’ tinbena.

Fuq wara tal-iskola se jsir spazju miftuħ għall-pubbliku.