Ambjent
BirdLife Malta b’riċerka dwar il-passa tal-gamiem

Il-BirdLife Malta bdiet proġett ta’ riċerka dwar il-passa tal-gamiem. Qalet li fir-rebbiegħa li għaddiet permezz ta’ ċippa li tpoġġiet fuq tliet gamiem saret taf li tnejn minnhom waslu lura fl-Ewropa u l-oħra spekulat li nqatlet f’Għawdex għaliex iċ-ċippa ma baqgħetx titrasmetti l-informazzjoni dwar il-movimenti tagħha.

Marija, Hope u Virginijus huma t-tlett gamiem li ntelqu minn Birdlife bħala parti mill-proġett ta’ riċerka dwar il-gamiem . L-għan tal-proġett huwa li jsegwi l-movimenti tal-passa tal-gamiem bejn l-Ewropa u l-Afrika. Il-gamiem jitwaħħlulhom ċippa li tiżen madwar 5 grammi li taħdem bl-enerġija tax-xemx u titrasmetti l-informazzjoni dwar ir-rotta tal-gamiema. Il-Birdlife qalet li tnejn minnhom għadhom qed jittrasmettu l-movimenti tagħhom waqt li spekulat li gamiema oħra nqatlet qabel telqet mix-xtut Maltin.

Birdlife qalet li l-iskop ta’ dan il-proġett huwa li jassisti fl-irkupru ta’ din l-ispeċi li qed tonqos. L-uffiċjal tal-konservazzjoni Nicholas Barbara qal li dal-proġett qed isir bis-saħħa ta’ għajnuna mal-imsieħba tagħhom fil-Ġermanja u bis-saħħa tad-dedikazzjoni tal-volontiera tagħhom li qal qed ipoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tar-riċerka bl-iskop li tassisti fl-irkupru ta’ din l-ispeċi Ewropea li qed tonqos.

Waqt li l-Birdlife wriet diżappunt li waħda mill-gamien ma waslietx fl-Ewropa biex tbejjet, stqarret li huwa ta’ sodisfazzjon li ż-żewġ gamien li passew minn fuq Malta waslu f’postijiet bla perikli fl-Umbria u fi Sqallija.