Annimali
BirdLife Malta tgħid li 5 għasafar protetti sfaw fil-mira tal-kaċċa illegali

BirdLife Malta qalet li minn meta nfetaħ l-istaġun tal-kaċċa, ħamest ijiem, ilu ġew sparati tiri fuq ħames għasafar protetti.

Fuq il-mezzi soċjali, hija qalet li l-għasafar protetti nstabu f’Għajnsielem (Spanjulett), fis-Salina (Qerd in-Naħal), fil-Furjana (Daqquqa tat-Toppu), f’Birżebbuġa (Spanjulett) u fil-Wardija (Gamiema tal-Kullar).

Qalet li dawn il-ħames tajr huma biss l-għasafar li l-volontiera rnexxielhom isalvaw. Żiedet tgħid li fl-aħħar ġranet ġie innutat Russett Griż itir minn fuq l-Għadira li kien ferut. Temmet tgħid li l-għasafar ttieħdu għand il-Pulizija għajr għall-Ispanjulett li nstab mill-CABS.

Intant fi stqarrija separata, il-CABS qalu li sabu Spanjulett ferut f’wied viċin Birżebbuġa. Qalu li minn meta nfetaħ l-istaġun osservaw għadd ta’ każijiet ta’ kaċċaturi jisparaw fuq tajr protett. Huma ppubblikaw filmat tal-illegalitajiet li seħħew f’Marzu.