Lokali
BirdLife Malta tgħid li l-PN m’għandux iċedi għall-pressjoni tal-kaċċaturi

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jħares l-ispirtu tal-Acquis Communautaire u ma jċedix għall-pressjoni tal-lobby tal-kaċċaturi. Qal li jekk il-PN irid jirrispetta l-opinjoni pubblika ma jistax imur lura mill-impenn li jimplimenta d-direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tan-natura u l-għasafar.

Huwa qal dan f’laqgħa li saret ilbieraħ fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Dr Bernard Grech.

Fi stqarrija, il-BirdLife Malta qalet li l-Proċeduri ta’ Ksur mibdija riċentement kontra l-Gvern Malti mill-Kummissjoni Ewropea fuq id-derogi kollha tal-kaċċa u l-insib li jinsabu fis-seħħ u l-għoti mhux mistenni tal-imsaġar tal-Miżieb u l-Aħrax lil-lobby talkaċċaturi kienu fost it-temi li ġew diskussi waqt il-laqgħa mal-Kap tal-PN li għaliha attendiet delegazzjoni tal-Kunsill ta’ BirdLife Malta.

Intqal li dwar il-kaċċa u l-insib, il-Kap Eżekuttiv Mark Sultana spjega s-sitwazzjoni attwali wara t-tneħħija tal-infurzar tal-ħarsien tal-għasafar minn taħt l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-ħolqien tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU) li hija mmexxija min-nassaba.

BirdLife Malta qalet li ppreżentat lil Dr Grech riżultati li juru kif is-sena l-oħra kienet sena rekord għall-kaċċa illegali.