Kaċċa u Insib
BirdLife tgħid li Avultun Abjad inqatel wara li ma baqax jiġi segwit b’tag tas-satellita

BirdLife Malta rrappurtat li Avultun Abjad (Egyptian vulture) minn programm Taljan ta’ konservazzjoni għeb għalkollox wara li wasal f’Malta din il-ġimgħa u hu maħseb li nqatel b’tiri ta’ senter.

Fi stqarrija, Birdlife qalet li l-ferħ, li ngħata l-isem Isabel, kien qed jiġi segwit b’tag tas-satellita li twaħħlitlu qabel inħeles fl-20 ta’ Awwissu li għadda flimkien ma’ erba’ frieħ oħra mill-Parco della Murgia Materana fir-reġjun tal-Basilicata.

It-tajra telqet minn Sqallija lbieraħ filgħodu, waslet Għawdex, imbagħad taret lejn il-Buskett bl-aħħar sinjal tas-satellita nqabad mir-radar ta’ Ħad-Dingli.

Skont l-għaqda l-Avultun tniżżel b’tiri ta’ senter bil-Kap Eżekuttiv tal-Bird Life Malta Mark Sultana jgħid li l-qtil tal-għasafar f’Malta qed isir rampanti.

“Dan qed iseħħ primarjament minħabba li ftit tas-snin ilu twaqqaf il-proċess ta’ verifika ta’ għasafar protetti bbalzmati li jinsabu f’kollezzjonijiet privati li fil-passat kienu gawdew minn amnestiji”.

Sultana qal li llum tista’ tispara fuq għasafar protetti u xorta tkun għadek fil-ħin biex tinkludi l-għasfur mal-kollezzjoni qabel ma ssir il-verifika.