Lokali
Birdlife trid terġa’ tiġbor il-firem għal referendum ieħor dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis biex l-istaġun tal-kaċċa għas-summien fir-rebbiegħa jerġa’ jiftaħ għal 20 ġurnata f’April wasslet biex il-Birdlife ħabbret li qed tikkunsidra terġa’ tiġbor il-firem għal referendum ieħor possibilment is-sena d-dieħla biex tieqaf il-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti qalet li l-Birdlife ma tridx taċċetta li tilfet r-referendum.

Qabel il-ftuħ ta’ staġun ieħor tal-kaċċa f’April li ġej, il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta, Mark Sultana, waqt li wera diżapprovazzjoni tiegħu għar-rakkomandazzjoni tal-kumitat Ornis biex bejn il-5 u 25 ta’ April tkun tista’ issir il-kaċċa għas-summien, ilmenta li dan il-perjodu hu wkoll l-aħjar żmien tal-passa tal-gamiem. Huwa qal li s-sena l-oħra l-istaġun jifetaħ aktar kmieni biex ikun evitat li jaħbat mal-eqqel tal-passa tal-Gamiem. Is-sur Sultana implika li l-Gvern ċeda għall-pressjoni tal-kaċċaturi u fl-istess ħin appellalu biex imur kontra r-rakkomandazzjoni tal-Ornis.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta Mark Sultana qal ”kollox jidher ċar ta’ kif għandu jieħu deċiżjoni l-Gvern imma mhux joħodha. Qed jinjora lill-ERA, jinjora l-affarijiet xjentifiċi u jiddikjara biss dak li jridu il-kaċċaturi, li huwa paraventu biex jinqatel il-gamiem dis-sena. Għalina huwa inaċċetabbli u qed nirrikonsidraw immorru għar-referendum.”

Il-President tal-Birdlife Daryl Grima qal li r-referendum qed jiġi kunsidrat minħabba pressjoni mill-ambjentalisti biex jiġu mobiliżżati dawk li għandhom għal qalbhom in-natura u l-ambjent.

B’reazzjoni, il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba konservazzjonisti Lino Farrugia, ikkritika l-pożizzjoni tal-Birdlife li qed tmur kontra l-vot tal-poplu.

Il-Kap Eżekuttiv FKNK Lino Farrugia qal ”imma dawn x’iridu? Dejjem negattivi. Qas jekk ittihom x’ittihom. Ma jridux jaċċettaw li l-kaċċa u l-insib għal gamiema u s-summiena fir-rebbiegħa hi xi ħaġa tradizzjonali li erbaħniha fil-Qorti Ewropea, fir-referendum, innegozzjata fit tul mad-dħul ta Malta fl-UE fl-2004.

Is-sur Farrugia appella lill-Gvern biex jirrevedi l-liġi dwar ir-referendum, fosthom dwar iż-żmien meta jista’ jerġa’ jissejjaħ referendum fuq l-istess suġġett u l-għadd ta’ firem li jridu jinġabru. Ilmenta li l-FKNK għadha bla risposta wara l-petizzjoni b’aktar minn mitt elf firma li ppreżentat lill-Parlament.