X

Bis-saħħa ta’ kampanji ż-żgħażagħ ta’ 15-il sena li jpejpu naqsu bin-nofs

Riċerka fost adoloxxenti wriet li bis-saħħa ta’ kampanji kontinwi kontra t-tipjip, fi tmien snin iż-żgħażagħ ta’ 15-il sena li jpejpju naqsu bin-nofs. Dan wassal biex id-direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard nieda kampanja oħra kontra t-tipjip maħsuba għaż-żgħażagħ.

Studenti minn diversi organizazzjonijiet fl-Università ngħaqdu mad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard f’kampanja maħsuba biex iż-żgħażagħ ma jpejpux.

Il-kampanja permezz ta filmati intitolat ‘Be Smart, Don’t Start’ l-istudenti nfusuhom qed iwasslu messaġġ dwar il-benefiċċji ta’ ħajja ħielsa mill-vizzju tat-tipjip.

Alex Esposito mill-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Mediċina saħaq fuq l-importanza li ż-żgħażagħ infushom ikunu fuq quddiem f’din il-kampanja.

Alex Esposito qal “li ridna ngħinu f’din il-kampanja u nkunu parti minnha, biex inkunu ċerti li aħna nistgħu nsaħħu l-messaġġ u ngħaddu l-messaġġ għand l-istudenti li fl-aħħar mill-aħħar huma l-fok ta’ din il-kampanja. Bil-messaġġ be smart don’t start, qed niffokaw fuq l-istudenti tagħna, nippruvaw naqsmu messaġġ biex jieqfu jpejpu jew idealment ma jibdewx.”

Fit-tnedija tal-kampanja, id-Direttur tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, Paula Vassallo, innutat li r-ricerka turi li fl-2006 kien hemm tnax fil-mija taż-żgħażagħ ta’ 15-il sena li kienu jpejpu. Qalet li tmien snin wara dawn naqsu għal sitta fil-mija.

Dr Vassallo qalet li t-tipjip madankollu għadu problema għas-saħħa tant li fl-2016, kien hemm ‘il fuq minn 400 mewt relatata mat-tipjip – 13 fil-mija tal-imwiet kollha fil-pajjiż. Qalet li għalhekk id-direttorat ikompli jistinka biex ikompli jonqos it-tipjip.

Joseph Grech, li jmexxi l-klinici kontra t-tipjip, qal li dan għadu l-kawża ta’ riskju akbar ta’ kanċer u mard serju li jista’ jiġi evitat fosthom infezzjonijiet respiratorji u mard ta’ ċirkolazzjoni. Fakkar fil-helpline u fid-diversi servizzi li joffri d-direttorat għal min jixtieq jieqaf ipejjep.