Politika
Bit-tkabbir ekonomiku qed jintlaħqu l-għanijiet tal-Gvern għal ġustizzja u mobilità soċjali – il-PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li f’ġimgħa li matulha l-ekonomija tal-pajjiż ġiet konfermata bħala l-iktar waħda li kibret fl-Ewropa, l-aktar ġrajja li laqtitu kienet l-inawgurazzjoni ta’ ċentru għall-familji ta’ persuni b’diżabbiltà li jagħti ftit nifs. Dr Muscat qal li bit-tkabbir ekonomiku qed jintlaħqu l-għanijiet tal-Gvern għal ġustizzja u mobilità soċjali.

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-Malta Enterprise approvat proġetti ta’ investiment dirett barrani b’valur ta’ 90 miljun ewro, li se joħolqu elf impjieg ġdid. F’attività politika fin-Naxxar bit-tema Malta ta’ Għada Suċċess għal Kulħadd, Dr Muscat qal li l-Gvern irid jibni pajjiż li jkun lest għall-futur.

Dwar ċifri tal-ekonomija li fit-tielet kwart tas-sena kibret b’7.5%, Dr Muscat innota li l-Eurostat ikkonferma li Malta kellha l-akbar tkabbir ekonomiku u l-akbar tkabbir fl-impjiegi. Huwa attribwixxa dan is-suċċess għad-deċiżjonijiet li qed jittieħdu mill-Gvern.

Il-Prim Ministru qal li bit-tkabbir ekonomiku jitwettqu l-għanijiet tal-Gvern għal ġustizzja soċjali u mobilità soċjali u semma s-sodisfazzjon ta’ bosta familji tax-xogħol li f’dawn il-jiem raw lill-uliedhom jiggradwaw.

Qal li l-Gvern qed jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies u rrefera għat-tnedija ta’ servizz li se jagħti nifs lill-qraba ta’ persuni b’diżabbiltà b’investiment ta’ mal-miljun ewro. Dr Muscat qal li fil-verità dak li l-Gvern għamel differenti minn ħaddieħor hu li l-ġid iġġenerat mill-ekonomija qed jintuża biex jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.

B’referenza għall-Kungress tal-Partit Soċjalista Ewropew, il-Prim Ministru qal li d-diskussjoni importanti li jmiss issa hija dwar il-futur tax-xogħol. Qal li ninsabu f’xifer ta’ rivoluzzjoni industrijali bl-intillegenza artifiċjali, li fi kliemu se tpoġġi fil-periklu postijiet tax-xogħol kif nafuhom illum. Dr Muscat qal li din id-diskussjoni għandha tibda mill-partiti soċjalisti b’mentalità mhux li jirreżistu din il-bidla imma li jappoġġjawha.

Il-mexxej Laburista kkritika gvernijiet nazzjonalisti li qal kienu jgħollu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, waqt li llum qal li hawn stabbilità f’dan is-settur u l-ġimgħa d-dieħla se joħorġu ċekkijiet biż-żieda fiċ-children’s allowance. Żied li dan hu l-mod kif il-pajjiż jimxi ‘l quddiem. Il-Prim Ministru żied jgħid li l-pika politika għandha tkun min se jagħmel l-aħjar ġid għall-pajjiż u mhux min se jkun fil-gvern.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Studju li sar mil-Kumpanija EY b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ wera li l-Industrija tal-Yachting tiġġenera aktar minn €100 miljun fis-sena minħabba dħul ieħor dirett għall-Gvern. Id-dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Ministru…

Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li minkejja li rreżista r-riformi l-Gvern kellu jimplimenta t-tibdil li qaltlu l-Kummissjoni Venezja. Waqt li kien qed jindirizza attività politika fiż-Żurrieq illejla, il-Kap Nazzjonalista qal…

Qorti

Raġel ta’ 26 sena, Steve Galea li nstab ħati li għex fuq il-prostituzzjoni tas-sieħba tiegħu, skansa l-ħabs wara li biddel ħajtu. Galea, kien ukoll akkużat li flimkien ma’ tnejn oħra,…

Aktar