Barranin
FILMAT: Biża’ ta’ gwerra bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani

Il-ġlied bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani fl-aħħar sigħat kompla jeskala bin-Nazzjonijiet Magħquda qed twissi li tista’ tfaqqa’ gwerra. Aktar minn elf rocket kienu sparati mill-Palestinjani f’Gaza lejn territorju Iżraeljan b’ħafna minnhom niżlu f’Tel Aviv. Mill-banda l-oħra l-Iżraeljani wettqu aktar minn mitt attakk bl-ajru fejn qerdu għalkollox żewġ torrijiet f’Gaza.

Fil-konflitt inqatlu minn tal-inqas 53 Palestinjan u sitt Iżraeljani, 14 minnhom tfal li nqabdu fil-ġlied. Żewġ Iżraeljani missier ta’ 52 sena u bintu ta’ sittax inqatlu meta rocket sparat mill-Palestinjani laqat il-karozza tagħhom. L-Iżraeljani qed jgħidu li fl-operazzjoni militari nqatlu numru ta’ uffiċjali tal-Hamas f’Gaza.

Il-Palestinjani qed jipprotestaw b’mod vjolenti f’diversi bliet Iżraeljani tant li Tel Aviv tpoġġiet taħt stat ta’ emerġenza.

Il-Prim Ministru Benjamin Netanyahu qal li l-Gvern ser juża l-forza kollha tiegħu biex jipproteġi liċ-ċittadini Iżraeljani kemm mill-Hamas li jgħixu f’Gaza kif ukoll mill-Palestinjani li jgħixu f’inħawi oħra tal-pajjiż. Il-Mexxej tal-Hamas Ismail Haniyeh qal li huma jinsabu preparati biex jikkonfrontaw lil Iżrael iżda jekk dan irid li jieqaf huma ser jieqfu wkoll.

Il-ġlied bejn iż-żewġ naħat beda wara ġimgħat ta’ tensjoni u ġlied f’Ġerusalem li titqies l-aktar post qaddis kemm mill-Musulmani kif ukoll mil-Lhud.

Il-komunità internazzjonali qed tħeġġeġ liż-żewġ naħat biex ma jħallux il-ġlied jeskala. Dan il-konflitt qed jitqies l-agħar wieħed f’Gaza mill-2014 ‘l hawn. L-Istati Uniti qed tgħid li l-Iżraeljani għandhom dritt jiddefendu ruħhom filwaqt li l-Palestinjani għandhom dritt għas-sigurtà.