Qorti
Biżżejjed provi biex l-avukati ta’ Yorgen Fenech jitpoġġew taħt att ta’ akkuża

F’digriet mogħti mill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, intqal kif hemm biżżejjed provi biex l-avukati  Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca jitpoġġew taħt att ta’ akkuża fuq allegat attentat ta’ tixħim ta’ ġurnalist tat-Times of Malta.

Iż-żewġ avukati huma parti mit-tim tad-difiża tal-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

Il-ġurnalist Ivan Martin kien mar għand il-Pulizija fejn irrappurta laqgħa li kellu maż-żewġ avukati. Laqgħa li fiha qal li ġie offrut bejn “tnejn u erba’ noti tal-ħames mija.” Hu żied jgħid li ż-żewġ avukati avvinċinawh sabiex jikteb għadd ta’ stejjer bil-għan li jtellfu l-kredibilità tax-xhud tal-istat Melvin Theuma.

Theuma ingħata maħfra presidenzali biex jikxef kulma jaf dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.