Lokali
Biżżejjed provi biex Sultana u Buttigieg jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża

Il-Qorti sabet biżżejjed provi biex Florinda Sultana u Albert Buttigieg jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża dwar frodi u ħasil tal-flus.

Il-proċeduri fil-qorti kontrihom bdew il-ġimgħa l-oħra bil-pulizija jinvestigaw l-involviment taż-żewġ akkużati fit-tmexxija ta’ żewġ ristoranti, wieħed fil-Belt u ieħor f’Marsaxlokk b’rabta ma’ ħasil ta’ flus u kuntrabandu taż-żejt. Sultana u Buttigieg bdew jiġu investigati lejn l-aħħar tas-sena l-oħra.

Fil-qorti, il-Perit Daniel Micallef mill-kumpanija XYZ Ltd xehed dwar bosta applikazzjonijiet tal-ippjanar li saru f’isem ir-restorant fil-Belt. Huwa xehed li dan ix-xogħol kien jintalab jagħmlu mill-ex futboler internazzjonali Darren Debono jew Sultana li tiġi bint is-sieħba tiegħu.

Uffiċjal tal-Awtorità tal-Ippjanar ippreżenta għadd ta’ dokumenti relatati maż-żewġ restoranti, fosthom applikazzjoni li saret minn Albert Buttigieg.

Melanie Brincat, il-kuġina ta’ Sultana xehdet li waħda mill-kumpaniji involuti kienet titmexxa minn Darren Debono. Spjegat li xogħolha kien li tqassam il-ħut fil-lukandi, ħwienet u restoranti.

Żewġha Jermain Brincat kien jaħdem part-time fir-restorant Capo Mulini taħt it-tmexxija ta’ Buttigieg. Xehdet dwar proprjetà f’Marsaxlokk u qalet li Buttigieg ried jikriha għall-impjegati tiegħu.

Fix-xhieda tiegħu Brincat tkellem dwar il-ħidma tiegħu fir-restorant flimkien ma’ ħuh li kien impjegat bħala chef. Qal li kien jagħti daqqa t’id ukoll fir-restorant Scoglitti, iżda kien jagħmel dan “bi pjaċir”.

Mistoqsi dwar il-flus li kienu jagħmlu kuljum, qal li fi tmiem il-ġuranta kienu jpoġġuhom f’envelop u jagħtuhom lil Buttigieg.

Fi tmiem is-seduta, il-qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li hemm biżżejjed provi biex iż-żewġ akkużati jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża.