Lokali
Bjorn ippremjat għall-ħidma tiegħu favur il-ħajja

Bjorn Formosa ngħata l-premju favur il-ħajja mill-Fondazzjoni Gift of Life. Paul Vincenti f’isem il-Fondazzjoni qal li dan il-premju jingħata lil dawk li, bħal Bjorn, b’għemilhom jippromwovu r-rispett u d-dinjità li tixirqilha l-ħajja.

Is-sur Vincenti qal li Bjorn, li jbati mill-kundizzjoni ALS, hu ta’ eżempju u ispirazzjoni għal kull wieħed u waħda minna għax minkejja t-tbatija li ġġib magħha l-kundizzjoni, hu ta’ spalla għal ħaddieħor.

Bjorn waqqaf il-Fondazzjoni ALS Malta u ftit tal-jiem ilu fetaħ Dar Bjorn għall-persuni li jbatu minn kundizzjonijiet newroloġiċi bħall-ALS.

Bjorn huwa l-ħdax-il persuna li rċieva dan il-premju, li jiċċelebra r-rispett lejn il-ħajja. Il-premju hu kopja tal-monument favur il-ħajja, li jinsab bejn il-Mosta u n-Naxxar.