COVID-19
Bl-iskejjel miftuħa jonqsu l-każi tal-Covid fil-komunità – Prof. Gauci

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci saħqet li waqt li l-iskejjel ikunu miftuħa bil-miżuri ta’ mitigazzjoni, iktar hemm tendenza li jonqsu l-każijiet ta’ Covid-19 fil-komunità, għax il-familji jipparteċipaw f’inqas attivitajiet soċjali.

Waqt il-konferenza tal-lum, Prof. Gauci qalet li tul il-pandemija il-prijorità kienet is-saħħa, iżda l-edukazzjoni hija importanti wkoll.

Prof Gauci qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa kienu f’komunikazzjoni diretta mal-Ministeru għall-Edukazzjoni dwar iż-żieda fil-każijiet tal-aħħar jiem.

Qalet li kien hemm kollaborazzjoni tajba mal-iskejjel u ttieħdu l-miżuri ta’ mitigazzjoni, b’riżultat li għalkemm kien hemm għadd ta’ każi fl-iskejjel, ma kienx hemm ‘clusters’ kbar li wasslu biex tingħalaq l-iskola.

Żiedet li din ix-xejra għandha tkompli anki issa, bl-iskejjel jibqgħu miftuħa waqt li jinżammu l-miżuri ta’ mitigazzjoni.

Intant, meta mistoqsija mill-ġurnalisti, is-Supretendent tas-Saħħa qalet li l-laqgħa tal-lum bejn l-awtoritajiet u l-MUT kienet waħda pożittiva, u l-eżitu tagħha se jitħabbar iktar tard.

Ara wkoll:

“Hemm ottimiżmu miż-żewġ naħat” – Il-Ministru Caruana dwar il-laqgħat mal-MUT

191 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, 77 oħra mfejqa