Ekonomija u Finanzi
Blacklisting ta’ kumpaniji bil-fatti fost rakkomandazzjonijiet tal-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi riforma fil-mod kif jingħataw il-kuntratti pubbliċi. Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin jikkonsistu fil-blacklisting tal-kumpaniji li jiksru l-liġi u iktar trasparenza fl-għoti ta’ direct orders.

Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kuntratti Anthony Cachia, qal ma’ TVM li ċertu miżuri u obbligi diġa’ jeżistu, iżda hemm bżonn ta’ iktar diskussjoni bejn il-partijiet biex tissaħħaħ l-informazzjoni u ċertu implimentazzjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb, qal li dan ir-rapport ta’ riforma sar wara konsultazzjoni mal-membri tal-Kamra tal-Kummerċ u wkoll b’grupp ta’ ħidma minn individwi li jirrappreżentaw operaturi ekonomiċi f’diversi oqsma tal-industrija.

Spjega li ewlenin fost is-36 rakkomandazzjoni hemm dik li ssir aċċertazzjoni li kull min jagħti servizz fil-kuntratti pubbliċi jkun verament etiku u qed iħallas it-taxxi u l-liċenzji, u jekk le dawn għandhom jiġu blacklisted.

Il-Perit Xuereb qal li punt ieħor hu dak tad-direct orders li qal mhux neċessarjament xi ħaġa ħażina, basta kulħadd ikun jaf għaliex saru u li jkun hemm trasparenza.

“Meta kuntratt jingħata, tajjeb li jkun hemm trasparenza tal-mod kif dak il-kuntratt qed jiġi mħaddem biex naraw li dawk il-kundizzjonijiet li kien hemm fil-bidu tat-tender tkomplew u jekk kien hemm xi varjazzjonijiet li jkunu ikkomunikati lill-pubbliku inġenerali u anke lill-membri l-oħrajn kollha li qegħdin f’dak is-settur ta’ dak is-servizz ukoll, biex b’hekk inkunu ċerti li l-flus tal-Gvern, tagħna tat-taxxi, qed jintużaw bl-iktar mod ekwu u l-konsumatur qed jinqeda bl-aħjar mod possibbli u jagħmel l-aħjar użu mill-flus tiegħu.”

TVM tkellem mad-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti Pubbliċi, Anthony Cachia, li qal li l-proċess tax-xiri pubbliku hu irregolat minn diversi liġijiet li kienu ġew adottati minn direttivi tal-Unjoni Ewropea. Spjega li hemm proċessi ta’ kif wieħed jissottometti l-offerti, ikunu aġġudikati l-kuntratti u r-riżultat ikun pubbliku.

“Jiġifieri sew min tefa’ l-offerti bil-prezzijiet mikxufin, sew imbagħad meta jingħażel ir-rebbieħ tas-sejħa jkun hemm dettalji ta’ min rebaħ, l-ammont ta’ kemm rebaħ.”

Is-Sur Cachia qal li kien ta’ pjaċir għalih li jara l-impenn u l-interess tal-Kamra tal-Kummerċ fix-xiri tal-kuntratti pubbliċi. Staqsejna lid-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti Pubbliċi x’jaħseb mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kamra tal-Kummerċ għal blacklisting tal-kumpaniji u wkoll għal trasparenze meta jingħataw direct orders.

“Blacklisting ilu jeżisti, filfatt konna daħħalna regolamenti ġodda biex ikun hemm iktar rinforz fejn ikun hemm blacklisting. Il-liġi diġà teżisti biex wieħed jiġi blacklisted. Il-problema hi kemm il-każ qed jiġi mressaq biex il-kuntratturi jiġu blacklisted u naħseb hemmhekk fejn hemm bżonn niddiskutu mal-Kamra x’miżuri jistgħu jittieħdu biex iktar ikun hemm blacklisting. Fil-każ ta’ direct orders l-istess, jiġifieri rappurtaġġ u obbligi diġà jeżistu biex wieħed jirrapporta d-direct orders li qegħdin isiru, u l-istess kif hawn f’dan ir-rapport li hemm bżonn ta’ iktar diskussjoni bejn il-partijiet biex tissaħħaħ iktar lok ta’ informazzjoni fuq id-direct orders.”

Anthony Cachia qal li fil-passat kien hemm diversi drabi li daħlu fis-seħħ proposti tal-Kamra tal-Kummerċ. Sostna li l-ħsieb tiegħu hu li jistieden lill-Kamra tal-Kummerċ biex jiltaqgħu u jiddiskutu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom.

Ara wkoll:

Il-Kamra tal-Kummerċ b’pariri dwar il-mod kif jingħataw kuntratti pubbliċi