Budget
Blokka ġdida ħdejn Mater Dei għas-servizz tal-outpatients b’investiment ta’ €160 miljun

Id-Deputat Prim Ministru u Minisru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Budget għas-sena d-dieħla juri bil-fatti kemm is-saħħa hija prijorità għal Gvern, billi alloka €685 miljun, €75 miljun aktar mis-sena l-oħra. Is-saħħa mentali, il-kura primarja u l-mard kroniku huma l-prijoritajiet fil-Budget tas-sena d-dieħla, iżda li jifformaw parti mil-pjan strateġiku għal qasam tas-saħħa għas-snin 2020-2030.

F’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri tal-Budget għall-qasam tas-saħħa, id-Deputat Prim Ministru u Minisru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fuq medda ta’ erba’ snin ser tinbena blokka ġdida ħdejn l-isptar Mater Dei għas-servizz tal-outpatients b’investiment ta’ €160 miljun.

Il-Ministru Fearne qal “dan ifisser li se jkollna klinika kbira ta’ seba’ sulari. Taħtha se jkun hemm parkeġġ ta’ ħames sulari taħt l-art u allura l-attività kollha tal-outpatients se jsiru ġo dil-blokka. Dan ifisser ukoll li fejn hemm l-outpatients ġewwa Mater Dei se jkollna iżjed spazju biex nagħmlu iktar sodod u iktar swali.”

Dr Fearne qal li s-saħħa hija prijorità tal-Gvern tant li l-Budget għal qasam tas-saħħa żdied ta’ €75 miljun u nefqa rekord ta’ €685 miljun. Qal li b’hekk jibqa’ jitwettaq il-pjan strateġiku li fost oħrajn jipprovdi għal sptar ġdid tas-saħħa mentali.

Il-Ministru qal li se tiżdied il-lista tal-mediċini b’xejn fosthom għal pazjenti bil-kanċer tal-prostata. Ħabbar ukoll li s-sena d-dieħla ser jiżdiedu s-servizzi tas-saħħa fosthom għall-kura primarja u fil-qasam tas-saħħa mentali.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne qal li nfetaħ ċentru tas-saħħa ġdid f’Ħal Kirkop u miexi ġmielu x-xogħol fuq ċentru tas-saħħa ġdid fir-Rabat Għawdex. F’Għawdex ukoll fil-ġranet li ġejjin se jinfetaħ iċ-Ċentru tal-Anotomija ta’ Barts.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne qal “Stewards lestew il-bini u t-tagħmir tal-iskola tal-anotomija ta’ Barts u l-bini tas-shell ta’ barra tal-iskola medika huwa kważi lest biex fil-ġranet li ġejjin tiftaħ l-anatomy school, imbagħad fix-xhur li ġejjin tiftaħ l-iskola medika”.

Il-Ministru qal li b’inizjattiva bejn il-Gvern, l-Hospice Movement u l-Knisja, se jinfetaħ ċentru ġdid li se jipprovdi kura paljattiva professjonali lill-pazjenti b’mard terminali u jipprovdi respite lill-qraba tagħhom li jkunu għaddejjin minn dawn il-mumenti diffiċli. Dr Fearne qal li l-Gvern hu kommess li jsostni s-servizzi tas-saħħa għal persuni trans.