Bniedem jitwieled jew jitrawwem kriminal?

‘Popolin’ stħarreġ il-ħsieb wara delitti u reati ta’ ċertu portata f’pajjiżna. Xi jkun għaddej minn moħħ l-awturi ta’ dawn id-delitti u dawk kompliċi magħhom?

Tkellimna ma’ Dr. Mark Xuereb, psikologu li tenna li dawn it-tip ta’ mistoqsijiet ilhom isiru tul l-istorja tal-umanità.  Ħafna jistaqsu jekk titwieledx b’moħħ ta’ kriminal jew issirx tul il-kors tal-ħajja, għal dan Xuereb spjega li xjentifikament min jasal jagħmel dawn l-atti kriminali għandhom sa ċertu punt problemi ta’ saħħa mentali. Saħaq li fl-Istati Uniti saru testijiet xjentifiċi fuq numru ta’ persuni li mhumiex kriminali u oħrajn li huma. Iż-żewġ gruppi ta’ nies ġew murija ritratti grafiċi. Meta raw dawn ir-ritratti dawk il-persuni li mhumiex kriminali rreġistraw sens ta’ diżgust li tidher fis-sistema limbika tal-moħħ. Minn naħa l-oħra dawk kriminali ma rreġistraw l-ebda emozzjoni.

Xuereb tenna li dan kollu jwassal għal mistoqsija dwar x’inhu l-fattur primarju għalfejn kriminal m’għandux kuxjenza? Il-fatturi huma diversi fosthom il-fatt li din is-sistema limbika fi kriminal ma’ taħdimx bl-istess mod kif taħdem f’persuna li mhijiex kriminali. Biss dan mhux l-uniku fattur, jeżistu raġunijiet oħra għalfejn persuna tasal taġixxi b’dan il-mod fosthom; trobbija ħażina jew inkonsistenti u abbuż.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal mill-psikologu, il-preżentatur staqsa jekk hux għalxejn li persuna tintbagħat il-ħabs għaliex jekk persuna għandha problemi ta’ saħħa mentali mhux se tissolva il-problema tagħha billi tidħol il-ħabs; “assolutament li le, dawn huma persuni li għandhom bżonn ta’ riabilitazzjoni, biss il-liġi qeda hemm għal kulħadd” tenna Xuereb.

Żied jgħid li jekk jiġi provat li min jagħmel dawn ir-reati għandu nuqqas ta’ konnessjoni bejn ir-raġuni u l-kuxjenza bijoloġika, din l-informazzjoni għandha tintuża biex jinħoloq programm ta’ riabilitazzjoni li jindirizza dan il-fattur.