Pulizija
Body cameras għall-Pulizija sa nofs l-2020

Sal-aħħar tas-sena d-dieħla, il-Korp tal-Pulizija għandu jkollu strateġija ta’ trasformazzjoni. F’intervista estensiva mal-Kap Eżekuttiv tal-Pulizija li tixxandar fil-programm DISSETT wara dan il-bulettin, is-Sur Gafa’ qal li d-direzzjoni tat-tiġdid ser isir bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea li se tipprovdi wkoll fondi.

Żied jispjega li dan ix-xogħol hu kumplimentat minn bord ġdid ta’ governanza li beda jaħdem mill-bidu ta’ din is-sena bil-għan li jfassal strateġija għall-Pulizija, ħaġa li fi kliem is-Sur Gafà l-Korp qatt ma kellu minkejja tentattivi li saru fil-passat bir-riżultat li l-Pulizija kienet taħdem mingħajr viżjoni fit-tul.

B’2,400 membru, il-Kap Eżekuttiv tal-Pulizija, Angelo Gafà, jikkalkula li 17% tal-membri mhumiex jagħmlu xogħol polizjesk. Mill-forza kollha, hemm biss madwar 100 li huma pajżana.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija, Angelo Gafà qal “għandna l-ħsieb li din is-sena toħroġ sejħa għal support officers fil-Korp biex dawn il-membri li qed jagħmlu xoħgol klerikali jibdew jagħmlu xogħol polizjesk.”

Lil hinn minnhekk iżda, is-Sur Gafà qal li se jkomplu jiġu ngaġġati aktar gradwati mill-università li jitħalltu mal-Pulizija. Qal li bħalma ġew impjegati professjonisti li qed jaħdmu ma’ investigaturi ta’ reati finanzjarji, se jiġu ngaġġati professjonisti oħra fosthom fil-qasam tal-informatika mat-taqsima li tiġġieled il-kriminalità fuq l-internet.

Fi kliem is-Sur Gafà, sfida ewlenija li għandu hi l-użu aħjar tal-membri tal-Korp. Waqt li interpreta bħala sinjal ta’ fiduċja mill-partiti politiċi li d-dokumenti tal-votazzjoni jitqassmu mill-Pulizija, staqsa kemm dan jagħmel sens għax inaqqar mir-riżorsi. Bl-istess mod, il-preżenza tal-Pulizija fil-grawnds tal-futbol, jew ma’ barrikati, jagħlqu toroq.

Bil-flus allokati għall-proġetti kapitali u t-tagħmir żdied b’sitt darbiet f’sentejn, din is-sena l-Gvern ivvota lill-Pulizija żewġ miljuni u nofs għal dawn l-għanijiet.

“Nittama li sal-aħħar ta’ din is-sena, l-aktar nofs is-sena d-dieħla, il-Pulizija jkunu attrezzati bil-body cams. Nittama li l-unions ikunu magħna, on board.”

Semma li fil-fażi ta’ ttestjar, kien hemm reżistenza minn membri tal-Korp biex jippruvawhom. Qal li dawn jgħinu biex allegazzjonijiet frivoli jonqsu għax hemm il-prova tal-aġir tal-Pulizija.

Qal li għaddejja konsultazzjoni biex għall-ewwel darba jinxtraw vetturi għar-Rapid Intervention Unit li jkunu maħduma apposta għall-Pulizija, minflok kif sar s’issa b’vetturi normali li jiġu adatti għall-Pulizija.

“Per eżempju jekk għandek lil xi ħadd mimli dmija fuq wara, għax l-RIU fuq xiex imorru. Jekk nużaw vetturi family cars, dan se ttebba’ s-seat covers, etc. etc. U għas-sigurtà jkunu magħluqin”

Qal li l-amministrazzjoni tal-Korp tilqa’ u taqbel mas-seba’ rakkomandazzjonijiet li sarulha f’rapport tal-Kunsill tal-Ewropa mill-Kumitat GRECO, Qal li dawn se jitwettqu fis-sena u nofs żmien mogħti, anke għaliex f’ħafna minnhom diġà kien beda x-xogħol biex isiru. Semma fost l-oħrajn l-aġġornament tal-kodiċi tal-etika tal-membri tal-Korp fosthom dwar l-użu tal-midja soċjali. Qbil ukoll mar-rakkomandazzjoni li jkun hemm taqsima speċifika li tmexxi l-prosekuzzjoni fil-Qorti, b’uffiċjal assenjat ma’ kull maġistrat. Qal li dan jagħti aktar ħin lill-ispetturi, biex flok fil-Qorti jinvestigaw il-każi aktar fil-fond.

 

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar