Kultura
Boezju u l-Filosofija lura Malta wara li reġgħet inxtrat

Heritage Malta flimkien mal-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, ġabu lura Malta pittura prestiġġjuża ta’ Mattia Preti li sal-aħħar tas-seklu 19 kienet fil-Palazz tal-Granmastru l-Belt u mbagħad spiċċat f’kollezzjoni privata l-Istati Uniti.

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ħabbar li l-pittura Boezju u l-Filosofija, kapulavur ta’ Mattia Preti, waslet Malta. Fl-1680 il-Kavallier Fra Andrea di Giovanni kien qabbad lil Mattia Preti jagħmel din il-pittura. Dan il-kwadru tpitter minn Preti f’Malta stess u jirrapreżenta l-filosofu tas-seklu sitta, li kien jismu Boizju, li kien għadu kemm ġie kkundannat għall-mewt f’Pavia l-Italja.

Fil-pittura Preti juri lil Boezju fiċ-ċella tiegħu qed jikkontempla l-virtujiet tal-ħajja u tidhirlu l-allegorija tal-Filosofija. Boezju jidħol f’konversazzjoni mal-Filosofija u jikteb dawk li huma magħrufa bħala l-Konsolazzjonijiet, li fil-Medjuevu u fl-età moderna bikrija kien ktieb importanti ħafna. Kif inhu magħruf, Mattia Preti kien wieħed mill-aħħar artisti importanti li x-xogħlijiet tiegħu jirriflettu t-teknika tal-chiaroscuro ta’ Caravaggio. Dan il-kwadru tant kien famuż, li saru numru ta’ kopji tiegħu fosthom erba li jinsab f’Malta.

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta, il-Professur Keith Sciberras, spjega kif b’xi mod din il-pittura ma baqgħetx Malta.

“L-istorja hi li kien kwadru li tpitter Malta, li baqa’ Malta sal-aħħar tas-seklu 19 li somehow mar f’kollezzjoni l-Amerka, mill-Amerka reġa’ tfaċċa lejn l-aħħar tas-seklu 20, inxtara minn kollezzjonist kbir ħafna u dan miet numru ta snin ilu u t-tfal tiegħu ddeċiedew li jbigħhu l-kollezzjoni kollha ġewwa Sotheby’s New York u Malta daħlet għalih bi pjaċir kollu għalina.”

Heritage Malta ħalset aktar minn miljun u tliet mija u tlieta u għoxrin elf ewro li nħarġu mill-fond soċjali għall-iżvilupp nazzjonali li jiġbor 70% tad-dħul mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment kif spjega l-Kap Eżekuttiv tal-Fond Ray Ellul. “Dan l-investiment li għamilna fil-masterpiece ta’ Mattia Preti taqa’ f’waħda mill-għanijiet tal-fond li jgħin kemm jista’ jkun fl-edukazzjoni u l-kultura speċjalment fl-oqsma li għandhom importanza nazzjonali. Dan l-investiment ta’ din il-pittura se tingħata b’self lil Heritage Malta għal żmien indefinit biex titgawda minn ġenerazzjonijiet futuri.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li l-pubbliku se jkun jista’ jara l-pittura Boezju u l-Filosofija fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, MUŻA mis-17 sal-31 ta’ Lulju.

“Għall-Aġenzija dan huwa unur, iżda mhux biss. Huwa wkoll sinjal qawwi li l-Gvern jafda lil Heritage Malta u dan grazzi għall-professjonisti li għandna f’din l-aġenzija li flimkien inħarsu l-wirt storiku tagħna. Nipproteġuh u nikkonservawh.”

Ladarba jitlesta x-xogħol ta’ restawr fil-Palazz tal-Granmastru l-Belt, dil-pittura se terġa’ titpoġġa fil-Palazz stess.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Mistoqsija dwar jekk trabi għandhomx jitlibbsu maskri, Prof Gauci qalet li tfal taħt 3 snin m’għandhomx jitlibbsu l-maskra għax din tista’ tkun ta’ periklu għalihom. Dan qalitu meta kienet qed…

COVID-19

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel għad m’għandhiex sistema adegwata biex tara li fuq il-vapuri u fit-terminals, il-passiġġieri josservaw il-miżuri ta’ prevenzjoni mill-COVID-19 li ħabbar il-Gvern…

Kultura

Minn issa ‘l quddiem waħda mill-isbaħ xeni tal-Port il-Kbir tista’ titgawda minn fuq il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt. Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa saret l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn meta daħal fis-seħħ l-avviż legali l-ġimgħa li għaddiet, diġà nħarġu ħames multi ta’ €3,000 ‘l waħda għal organizzaturi ta’ attivitajiet, restoranti…

Aktar