Qorti
Bojan Cmelik jintbagħat għomru l-ħabs għall-qtil ta’ Hugo Chetcuti

B’verdett ta’ tmien voti favur u kontra wieħed, Bojan Cmelik ta’ 39 sena mis-Serbja nstab ħati li qatel lill-imprenditur Hugo Chetcuti wara li l-ġurati ħarġu bil-verdett tagħhom wara sitt sigħat ta’ deliberazzjoni.

Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Aaron Bugeja bagħtu għomru l-ħabs u ordna wkoll li jagħmel żmien waħdu fiċ-ċella.

Id-disa’ ġurati daħlu jiddeliberaw għall-ħabta tal-kwarta ta’ waranofsinhar u ħarġu bil-verdett għall-ħabta tas-6.15 p.m..

Atkar tard, l-Imħallef Bugeja daħal lura fl-awla fejn ikkundanna lis-Serb għomru l-ħabs.

Il-ġurati sabuh ħati wkoll b’mod unanimu li rreżista b’mod vjolenti l-arrest u li kien fil-pussess ta’ arma mingħajr liċenzja.

Chetcuti, li kellu 52 sena, miet fit-12 ta’ Lulju 2018 wara li sitt ijiem qabel kien qala’ tliet daqqiet ta’ sikkina barra wieħed mill-istabbilimenti tiegħu f’Paceville.

Cmelik għamel żmien jaħdem f’wieħed mill-istabbilimenti tal-imprenditur u kien anke mkeċċi wara argumenti mal-kollegi.

F’dan il-ġuri, li nstema quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja, il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Cmelik kellu jiddefendih lill-Avukat Simon Micallef Stafrace waqt li l-Avukati Joseph Giglio u Mario Spiteri dehru bħala parte civile f’isem il-familja Chetcuti.

Min kien Hugo Chetcuti?

Chetcuti kellu 52 sena u kien imprenditur ta’ suċċess b’katina ta’ stabbilimenti tad-divertiment, restoranti u lukandi li kollha kienu jġibu ismu stess – Hugo.  Chetcuti kien beda n-negozju tiegħu fit-tmeninijiet, bil-ftuħ tal-ewwel stabbiliment tiegħu ‘Footloose’ f’Paceville.  Maż-żmien huwa kompla jiftaħ iktar stabbilimenti mhux biss tad-divertiment, iżda wkoll kien pijunier fl-industrija tal-ospitalità lokali.

Ftit jiem qabel mewtu, huwa ħareġ bil-kunċett li jiftaħ bosta stabbilimenti u lukandi li jġibu ismu stess, bl-intenzjoni li joffri għażla wiesgħa ta’ ħwienet tal-ikel, bars u lukandi li joffru l-aqwa faċilitajiet u servizz ta’ kwalità bi stil uniku għall-klijenti Maltin u barranin.  Huwa bena din il-katina ta’ stabbilimenti bl-appoġġ ta’ ħutu Sheryl u Isaac, kif ukoll ibnu Luke, li mexa fuq il-passi ta’ missieru.

Kien propju fl-inawgurazzjoni ta’ stabbiliment ieħor tiegħu meta l-imprenditur qala’ daqqiet ta’ sikkina mis-Serb, Bojan Cmelik li dak iż-żmien kellu 35 sena. Is-Serb kien ġie arrestat ftit wara li wettaq l-aggressjoni fuq Chetcuti u tressaq il-Qorti madwar 12-il siegħa wara li seħħ il-feriment.  Cmelik wieġeb li mhux ħati tal-akkuża tal-attentat ta’ qtil ta’ Chetcuti u minn dak iż-żmien baqa’ miżmum arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn se jkun qed iqatta’ l-kumplament ta’ ħajtu wara li nstab ħati tal-omiċidju ta’ Chetcuti.

Hugo kien għamel xi jiem fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fejn sarlu intervent ftit wara li ddaħħal l-isptar hekk kif kawża tad-daqqiet ta’ sikkina indarab gravi u kien fil-periklu tal-mewt.  Għalkemm għal xi ħin il-qagħda tiegħu kienet stabbli, madanakollu l-isforzi li saru biex jaqleb għall-aħjar sfumaw fix-xejn u ġie ddikjarat mejjet kawża tal-ġrieħi serji li ġarrab.