Boko Haram: 300 tfajla jittieħdu f’post sikur

Grupp ta’ 300 mara u tfajla, li l-armata tan-Niġerja qalet li nħelsu mill-militanti tal-Boko Haram aktar kmieni din il-ġimgħa ittieħdu f’ kamp tar-refuġjati fil-grigal tan-Niġerja.

Huma vvjaġġaw għal tlett ijiem mill-foresta Sambisa minn fejn ġew salvati. Il-grupp wasal fuq trakkijiet fi skola li qed tilqa’ r-refuġjati fil-belt ta’ Yola.

Aktar kmieni il-militar qal li 234 mara u tifla oħra ġew salvati. Huma kienu fost is-700 li kienu qed jinżammu mill-Boko Haram u ġew salvati fl-aħħar ġimgħa, hekk kif l-armata għaddejja bil-missjoni tagħha kontra l-militanti.

Għad mhux magħruf madankollu jekk dan il-grupp jinkludix lil aktar minn 200 tifla li kienu nħatfu minn skola f’Chibok f’April 2014.

Dan il-każ kien qajjem rabja kbira fost il-komunità internazzjonali u kien wassal għal kampanja kbira bi pressjoni fuq il-Gvern Niġerjan biex jaħdem ħalli jiġi salvati.

L-armata qalet li għaddejja ħidma biex tiġi stabbilita l-identità tal-ostaġġi meħlusa.