AĠĠORNAT: Jinħelsu xi ostaġġi li nħatfu mill-Boko Haram fil-Kamerun

Inħelsu minn ta’ lanqas 24 minn grupp ta’ 80 ruħ li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet inħatfu bħala ostaġġi mill-grupp Boko Haram fil-Kamerun.

Xi wħud ħarbu minn taħt idejn dawk li ħatfuhom filwaqt li l-Kamerun qal li oħrajn inħelsu “hekk kif il-forzi tad-difiża marru wara l-ġellieda li kienu fi triqithom lura lejn in-Niġerja.

Ħafna minn dawk li nħatfu fir-raid li sar fuq il-fruntiera huma tfal.

Dan kien wieħed mill-akbar ħtif barra n-Niġerja mill-Boko Haram fost żieda fil-biża’ li se jwettaq aktar attakki.

Il-grupp militanti Iżlamiku ħa l-kontrol ta’ bliet u rħula fil-Grigal tan-Niġerja u issa beda jhedded ukoll pajjiżi ġirien.

Chad li ukoll għandu l-fruntiera man-Niġerja, dan l-aħħar bagħat truppi biex jgħinu lill-Kamerun jiġġieled lill-militanti.

 

 

Aktar kmieni: Militanti mill-grupp Iżlamista Niġerjan Boko Haram ħatfu għexieran ta’ persuni bħala ostaġġi li kienu mal-fruntiera fil-pajjiż ġar, il-Kamerun.

Uffiċjali qalu li tal-inqas 50 mill-ostaġġi huma tfal li għandhom bejn għaxar snin u 15-il sena.

Erba’ persuna li pprovaw jikkumbattu mal-militanti inqatlu.

Boko Haram ħatfu l-kontroll ta’ diversi bliet u rħula fil-Grigal tan-Niġerja u issa bdew jheddu lin-nazzjonijiet ġirien.

Iċ-Chad, li wkoll jinsab mal-fruntiera tan-Niġerja, bagħat suldati biex jgħinu lill-Kamerun fil-ġlieda kontra l-militanti.

Boko Haram ħataf ħafna nies fin-Niġerja inkluż 200 tifla minn skola f’April li għadda.