Barranin
Bord li jevalwa l-kontenut fuq Facebook jiddeċiedi favur il-projbizzjoni ta’ Trump

Il-bord speċjalizzat u indipendenti li jevalwa l-kontenut fuq Facebook u Instagram iddeċieda favur il-projbizzjoni ta’ Donald Trump minn fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali iżda kkritika n-natura permanenti u l-mod arbitrarju kif ittieħdet id-deċiżjoni tas-sospensjoni tiegħu li qal tmur lil hinn minn kif il-Facebook normalment jirreaġixxi għall-ilmenti bħal dawn.

Il-bord ordna lill-Facebook biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni u biex it-tweġiba tkun proporzjonata, bid-deċiżjoni finali għandha tirrifletti u tkun konsistenti mar-regolamenti li huma applikati għall-utenti l-oħra tal-pjattaforma meta jaġixxu bl-istess mod.

Il-bord ikkonkluda li l-Facebook għandu jieħu deċiżjoni finali f’temp ta’ sitt xhur.

Sadanittant, l-ex President Trump nieda spazju personali tiegħu fejn jista’ jippostja l-messaġġi jum biss qabel mal-bord tal-Facebook ħa d-deċiżjoni.

Il-blog ‘From the Desk of Donald J Trump’ deher fuq il-website personali tiegħu fejn jistgħu ikunu ppostjati videos, messaġġi u ritratti li jistgħu ikunu jkunu xxerjati fuq Twitter and Facebook.

Il-projbizzjoni fuq Facebook kienet konsegwenza tal-protesti vjolenti fil-Capitol Amerikan f’Jannar li wasslu għall-ħames fatalitajiet, azzjonijiet li analisti jgħidu kienu mrewwħa mill-messaġġi li ppostja fuq il-mezzi tal-midja soċjali.