Barranin
Boris Johnson iħabbar il-pjan ta’ kif se jitnaqqsu r-restrizzjonijiet tal-Covid fir-Renju Unit

Jitħabbar il-pjan ta’ kif se jitnaqqsu ir-restrizzjonijiet fir-Renju Unit, li fi kliem il-Prim Ministru Boris Johnson se jkun b’mod kawt iżda li ma jitreġġawx lura.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson ħabbar fil-Parlament li mit-8 ta’ Marzu se jerġgħu jiftħu l-iskejjel, fi pjan li qal se jwassal għal tnaqqis fir-restrizzjonijiet tal-Covid.

“From the 8th March, people will also be able to meet one person from outside their household for outdoor recreation, such as a coffee on a bench or a picnic in a park, in addition to exercise. But we’re advising the clinically extremely vulnerable to shield, at least until the end of March.”

Johnson qal li l-Gvern se jimxi b’kawtela u kollox jiddependi mill-programm ta’ tilqim li jimxi skont il-pjan.

Mid-29 ta’ Marzu, in-nies mhux se jibqgħu obbligati jibqgħu d-dar u se jkunu jistgħu jiltaqgħu gruppi ta’ sitta min-nies jew membri ta’ żewġt idjar fuq barra. Dakinhar se jkun jista’ jerġa’ jibda jintlagħab sport kompetittiv bħal football, golf u tennis.

Ħwienet mhux essenzjali, mużewijiet u postijiet pubbliċi jistgħu jiftħu wara it-12 ta’ April iżda ma jistax ikun hemm taħlit ta’ nies minn djar differenti.

Membri ta’ żewġt idjar differenti ma jistawx jiltaqgħu fuq ġewwa qabel is-17 ta’ Mejju. Qabel din id-data ma jistax isir ivvjaġġar lejn pajjiżi oħra.

Wara s-17 ta’ Mejju ukoll, ikunu jistgħu jibdew jidħlu sa għaxart elf ruħ isegwu sport fl-istadia il-kbar, jistgħu jiltaqgħu sa 30 ruħ fuq barra, u l-bars u l-pubs ikunu jistgħu jibdew jilqgħu n-nies fuq ġewwa.

Il-Prim Ministru Ingliż qal li fl-aħħar fażi, li mhux se tidħol fis-seħħ qabel il-21 ta’ Ġunju, se jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq kemm jistgħu jinġemgħu nies. Qal li se jitħallew jiftħu l-postijiet ta’ divertiment u mhux se jkun hemm limitu ta’ kemm jista’ jkun hemm nies f’tieġ.