Barranin
Bosta qed jitolbu liċ-Ċina tħallas għad-danni tal-Covid-19

Iċ-Ċina qed tiffaċċja diversi kawżi għad-danni minħabba s-sehem tagħha fil-bidu tal-Covid-19.

Hija qed tkun akkużata minn bosta gruppi fl-Istati Uniti, u issa wkoll mill-istat ta’ Missouri, li l-azzjonijiet tagħha wasslu għal pandemija globali li setgħet ġiet evitata.

F’kawża għad-danni Missouri qed jgħid li l-awtoritajiet taċ-Ċina ħbew informazzjoni kruċjali, li arrestaw lill-whistleblowers, li qerdu riċerka medika, li ħallew lil miljuni ta’ nies esposti, u anki li ħażnu għalihom ammonti kbar ta’ tagħmir protettiv.

F’Missouri hemm minn tal-inqas 6,105 persuna infettati bil-Covid-19, u 229 li tilfu ħajjithom.

Kawżi oħra għad-danni nfetħu fil-qrati federali, fost oħrajn, minn aġenziji tal-proprjetà u kumpanija tal-accounts f’Kalifornja, kif ukoll mill-għaqda Freedom Watch.

Esperti legali qalu li ċ-ċans li ċ-Ċina tiġi mgħiegħla tagħti kumpens huwa żgħir ħafna, għaliex din hija protetta minn immunità sovrana.

Sadanittant, l-awtoritajiet Ċiniżi ddikjaraw li ħassewhom offiżi b’artiklu ppubblikat fil-Bild; ġurnal ewlieni fil-Ġermanja, li qal li ċ-Ċina kellha tagħti €149 biljun lill-Ġermanja f’danni riżultat tal-Covid-19.