Turiżmu
Bosta restoranti mtlew bil-klijenti għall-ikla ta’ nofsinhar wara 60 jum magħluqa

Mil-lum l-10 ta’ Mejju skattaw il-ħames fażijiet li fihom se jiġu rilassati kontra l-Covid-19.

Sidien ta’ restoranti u ‘snack bars’ illum qamu jistennew il-klijenti wara kważi xahrejn magħluqa minħabba r-restrizzjonijiet għat-trażżin tal-imxija tal-Covid-19.

Minbarra l-ftuħ tal-‘snack bars’ u restoranti sal-5.00 p.m. beda wkoll l-‘sports’ professjonali u dak fejn m’hemmx kuntatt kif ukoll infetaħ mill-ġdid l-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex.

Iżda l-ikbar stennija mill-pubbliku kienet għall-ftuħ tar-ristoranti bi kru ta’ TVM iktar kmieni llum mar f’diversi restoranti li jidher li kienu mimlijin bil-klijenti għall-ikla ta’ nofsinhar.

Sittin ġurnata wara r-restoranti fetħu mill-ġdid il-bibien tagħhom għall-klijenti ħerqana biex jerġgħu jerħulha għall-postijiet favoriti tagħhom għall-ftit ħin ta’ rilassament u soċjalizzazjoni.

L-imprenditur Frankie Grima esprima s-sodisfazzjon tiegħu li wara ġimgħat diffiċli l-kapitali reġgħet bdiet tieħu l-ħajja bil-ftuħ tar-restoranti.

“Illum ġurnata ta’ ċelebrazzjoni għal min huwa fl-industrija u għall-poplu Malti kollu. Għaddejna minn żmien diffiċli però nħarsu ‘l quddiem. Nistennew jiġi s-Sajf. Illum naprezzaw iżjed it-turizmu. Qabel konna neħduh ‘for ganted’. Fiduċjuż li se jiġu t-turisti jerġgħu Malta”, żied Grima.

Jilgħaq ix-xemx f’kafeterija fil-Belt Valletta ltqajna mal-istilla Maltija tal-‘snooker’ Tony Drago li esprima s-sodisfazzjon tiegħu li bħala persuna vulnerabbli jista’ jerġa’ joħroġ iħuf fit-toroq tant għall-qalbu tal-kapitali wara li tlaqqam biż-żewġ dożi.

“Jien bniedem vulnerabbli. Ħadt l-‘injections’ u nħossni ‘safe’. Jiena veru ‘proud’ għax minkejja li aħna żgħar meta sibna daharna mal-ħajt. Il-‘health authorities’ urew li aħna kapaċi”.

Il-kru ta’ TVM mar ukoll San Ġiljan u Paceville fejn jidher li kien hemm attività wkoll fosthom grupp ta’ ħbieb fuq mejda jixorbu.

“Eh, tħossok tajjeb li nerġgħu lura għan-normalità mwiegħed. Qegħdin tajjeb. Inħossuna ħafna ‘safe'”.

“Le ovvjament kellna bżonnha din il-bidla. Kulħadd stenniha din il-ġurnata u li tasal il-ġurnata meta nerġgħu lura għan-normalità”.

L-aħwa Kurt u Kevin Paul Calleja, li joperaw żewġ restoranti, esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għar-rispons li kellhom f’din il-ġurnata li tant kienu ilhom jistennew.

“Illum hi ġurnata speċjali. Iktar miżuri ġew rilaxxati. Se naqbdu aktar it-triq għan-normal. Ġurnata aktar speċjali. Ftaħna bħala kumpanija t-tieni ristorant fil-pandemija. Ir-rispons sabiħ u aħna kuntenti wkoll”.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Restoranti (MHRA) laqgħet il-ftuħ mill-ġdid tar-restoranti, inkluż dawk f’lukandi, fejn qalet li hija apprezzat l-għajnuna tal-Gvern partikolarment is-sussidji fuq il-pagi u nsistiet li għalkemm qed jiftħu din l-għajnuna għadha meħtieġa.

Hija faħħret l-aħbar tal-Prim Ministru Robert Abela li se jerġgħu jinħarġu l-vawcers ta’ €100 lil kull resident biex jintefqu fi ħwienet u stabbilimenti tal-ikel.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra rrimarka li issa huwa ż-żmien li b’mod prudenti niltaqgħu, nieklu u ngawdu l-ħajja flimkien.

Ara wkoll:

X’inhuma l-protokolli li jridu josservaw ir-restoranti?