Sigurtà
B’qalbha maqsuma wara li n-neputi faga f’car seat – twissija dwar aċċessorji tat-tfal

Mara fir-Renju Unit tinsab b’qalbha maqsuma u mtaqqla b’sens ta’ ħtija, wara li n-neputi tagħha ta’ tmien xhur faga b’aċċessorju li xtratlu għall-‘car seat’. Transport Malta qed twissi li dawn l-aċċessorji jistgħu jkunu ta’ periklu.

Annie Yankova qasmet fuq il-midja soċjali t-traġedja li għaddiet minnha l-familja tagħha ftit tal-ġimgħat ilu bil-għan li tqajjem kuxjenza fuq il-periklu ta’ aċċessorji tat-tfal magħmulin biex jintużaw fil-karozza.

Yankova, li hija wkoll omm ta’ tifla ta’ 11-il xahar, qalet li kienet xtrat għal bintha aċċessorju li jintrabat mal-car seat intenzjonat li jżomm ras it-tarbija wieqfa. Peress li sabitu tajjeb, xtrat wieħed ukoll għan-neputi.

Ġara li l-familja marru qadja f’ħanut viċin id-dar f’Londra, meta kienu involuti f’inċident b’konsegwenza li l-karozza nqalbet. Yankova qalet li l-car seat għamel xogħlu, iżda l-aċċessorju niżel ‘l isfel, bil-konsegwenza li t-tifel faga bih.

Għall-mistoqsijiet ta’ TVM dwar is-sigurtà tal-car seats u l-aċċessorji tagħhom li hawn fis-suq, Transport Malta (TM) saħqet li kull car seat tat-tfal jew trabi għandu jinxtara mingħand manifattur rikonoxxut, u jkollu t-tikketta ta’ approvazzjoni oranġjo li turi li huwa konformi mar-rekwiżiti tas-sigurtà kif stabbiliti fl-aħħar standards Ewropej.

Żiedet li aċċessorji oħra li mhumiex approvati mill-manifattur mhumiex rakkomandati, għaliex dawn jistgħu jagħmlu l-car seats inqas siguri.

TM qalet li min jinstalla dawn il-car seats għandu jkun ċert li huma installati kif suppost, u li huma adattati għall-qies tat-tfal li qegħdin jitilgħu fihom.

Aqra iktar hawn x’tip ta’ car seats għandek tixtri skont l-età tat-tfal, u kif għandek tinstallahom sewwa.