Faċilità Korrettiva
Brazzuletta elettronika ma’ saqajn priġunieri biex ikunu jistgħu joħorġu mill-ħabs

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jgħid tiegħu dwar il-proposta tal-introduzzjoni tas-sistema ta’ moniteraġġ elettroniku għall-dawk ħatja b’ċertu reati żgħar.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, qal li b’dak propost il-Gvern qed jintroduċi sistema ġusta u sigura.

Il-Qorti mistenni jkollha l-jedd li tassenja l-piena alternattiva ta’ moniteraġġ elettroniku għal dawk ħatja b’reati li l-piena effettiva ma taqbiżx is-sena u r-reat imwettaq ma jkunx suġġett għal aktar minn piena massima ta’ sentejn.

Dan hekk kif il-Gvern ippreżenta white paper u l-qafas leġiżlattiv għall-introduzzjoni tal-moniteraġġ elettroniku, li skont dak propost, se tkun tista’ tintuża wkoll għall-għotjiet ta’ prison leave u wkoll għall-parole, bil-moniteraġġ se jsir mill-uffiċjali tal-faċilità korretiva ta’ Kordin.

L-avukat Dustin Camilleri spjega ma’ TVM li qed ikun propost li s-sistema ma’ tapplikax għall-persuni ħatja b’ħames reati speċifiċi. “Għal dawk ir-reati li għandhom x’jaqsmu mal-vjolenza domestika, dawk ir-reati li hemm gender based violence, dak huwa eskluż kull persuna li kisret ordni jew kuntratt ta’ aċċess jew manteniment, u dawk kollha reġistrati f’tal-pedofelija jew reati relatati, dak ma japplikax.”

F’konferenza tal-aħbarijiet kmieni waranofsinhar mill-Forti Sant Anġlu fil-Birgu, il-Ministru Byron Camilleri enfasiza li bis-sistema proposta, dawk ħatja ta’ reati minuri se jkunu mgħejuna jirriformaw ruħhom b’sistema sigura għas-soċjeta. Dr Camilleri qal li dak propost jixhed il-viżjoni ċara tal-Gvern f’dan il-qasam.

“Nemmen li permezz ta’ din il-proposta se jkollna soċjetà aktar ġusta u sigura, inkluż ma’ min żbalja u allura jista fil-konfront ta’ dawn il-persuni ħatja ta’ reati meqjusa minuri u anke fejn jidħol prison leave u parole, ikun hemm l-użu ta’ electronic monitoring,” qal il-Ministru.

Il-konsultazzjoni pubblika se tiġi fi tmiema fil-25 ta’ Mejju, bil-proposta imbagħad tgħaddi għall-iskrutinju parlamentari.