Brexit
BREXIT: Il-Parlament jivvota favur estensjoni – Johnson determinat li jseħħ fl-aħħar tax-xahar

Tkompli s-saga Brexit. L-istrateġija tal-Prim Ministru Boris Johnson, li kien qed jippretendi li l-House of Commons japprovalu l-ftehim il-ġdid li rnexxielu jinnegozja mal-Unjoni Ewropea, sfaxxat fix-xejn. Dan hekk kif il-Parlament, minflok, approva mozzjoni li permezz tagħha Johnson intalab iressaq għall-approvazzjoni liġijiet sekondarji li jdaħħlu fis-seħħ il-ftehim dwar Brexit, qabel ma jittieħed il-vot fuq il-ftehim innifsu.

Riżultat ta’ dan l-iżvilupp, il-Prim Ministru Johnson huwa obbligat bil-liġi li sal-lejla jitlob estensjoni oħra dwar Brexit. Filwaqt li mhux ċar x’se jiġri fis-sigħat li ġejjin, Johnson qed jibqa’ jinsisti li Brexit se sseħħ sa 12-il ġurnata oħra.

Ma kienx il-vot tant mistenni dwar il-ftehim għal Brexit dak li ttieħed wara nofsinhar f’seduta straordinarja tal-Parlament Ingliż, iżda xorta kien disfatta għall-Prim Ministru Boris Johnson.

Wara ħames sigħat ta’ dibattitu, il-membri parlamentari vvutaw favur mozzjoni li permezz tagħha qed iżommu l-ftehim milħuq bejn il-Prim Ministru Johnson u l-Unjoni Ewropea fuq l-ixkaffa sakemm il-Parlament japprova l-liġijiet meħtieġa biex jimplimentaw l-istess ftehim. Huma qed jagħmlu dan biex jeliminaw kull ċans li jista’ fadal li r-Renju Unit joħroġ mingħajr ftehim. Il-vot dwar din il-mozzjoni għadda b’maġġoranza ta’ 16-il vot minn fost il-madwar 630 deputat li ivvutaw.

Dan ifisser li bil-liġi l-Prim Ministru huwa obbligat li jitlob estensjoni mill-Unjoni Ewropea. Iżda b’reazzjoni, il-Prim Ministru Boris Johnson qal li mhux se jinnegozja estensjoni mal-Unjoni Ewropea u li se jressaq il-ftehim innegozjat għall-vot fil-parlament il-ġimgħa d-dieħla.

“I will not negotiate a delay with the EU. And neither does the law compel me to do so. I will tell our friends and colleagues in the EU exactly what I have told everyone in the last 88 days that I’ve served as prime minister — that further delay would be bad for this country, bad for our European Union and bad for democracy. So next week, the government will introduce the legislation needed for us to leave the EU with our new deal on October 31st,” saħaq il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson.

Il-kap tal-kamra Jacob Rees-Mogg qal li l-vot fuq il-ftehim għandu jittieħed nhar it-Tnejn. L-ispeaker John Bercow qal li se jħabbar deċiżjoni dwar dan fis-sessjoni tat-Tnejn.

Filwaqt li l-Parlament tar-Renju Unit tlaqqa is-Sibt għall-ewwel darba fi 37 sena, eluf ta’ dimostranti inġabru fit-toroq ta’ Westminister b’appell ewlieni biex isir it-tieni referendum dwar Brexit.

Malli tħabbar ir-riżultat tal-vot, il-folla infexxet f’ċelebrazzjoni. Fost dawk li indirizzaw lill-folla, ix-shadow Chancellor tal-Partit Laburista John McDonnell li qal jistenna li l-Prim Ministru josserva il-liġi u jitlob estensjoni.

“It’s not a who is not a lawbreaker, but a law maker. And if he doesn’t, if he doesn’t, let’s be absolutely clear, he will be breaking the law democratically decided in parliament only weeks ago,” qal ix-Shadow Chancellor John Mc Donnell.

Il-Prim Ministru Johnson issa għandu quddiemu tliet toroq: ibaxxi rasu għal-vot fil-parlament u sal-lejla jitlob estensjoni lill-Unjoni Ewropea li tkun trid tiġi aċċettata mill-pajjiżi membri, jinjora l-vot tal-lum u jibqa għaddej bil-ftehim li jista jwassal għall-battalja legali, jew inkella li jirriżenja.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Wara 48 siegħa jgħixu mumenti mill-aktar drammatiċi, ir-residenti u s-sidien tan-negozji f’Venezja ħadu ftit tan-nifs hekk kif stenbħu f’temp bnazzi u bil-livell tal-ilma inqas mir-rekord ta’ kważi żewġ metri fis-sigħat…

Barranin

Minn tal-inqas 5 persuni ndarbu fi sparaturi li seħħew fi skola f’Kalifornja. L-isparaturi seħħew f’Saugus High School f’Santa Clarita ftit minuti qabel bdew il-lezzjonijiet. Is-suspettat huwa ġuvni Ażjatiku ta’ 15-il…

Barranin

Il-ħamiem issibu kważi f’kull belt ewlenija madwar id-dinja foshom fil-Belt Valletta, iżda qatt innutajt li xi wħud minnhom bi swaba’ neqsin? Jidher li dan it-tajr jitlef xi swaba’ mhux għax…

Aktar