Politika
Brexit: Il-Prim Ministru f’taħditiet f’Londra ma’ Theresa May

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu laqgħa f’10 Downing Street mal-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May. Fi stqarrija, il-Gvern qal li ż-żewġ Prim Ministri ddiskutew l-aħħar żviluppi dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Matul il-ġurnata, il-Prim Ministru kien impenjat b’sensiela ta’ taħditiet f’Londra ma’ investituri li qed jikkunsidraw lil Malta bħala post fejn jinvestu u jissuktaw bl-attività kummerċjali tagħhom.

Ir-Renju Unit jinsab f’salib it-toroq, bil-komunità kummerċjali Ingliża tqis dan il-perjodu bħala “żona ta’ emerġenza” minħabba l-biża’ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim, fl-aħħar ta’ Marzu li ġej.

Il-Gvern u l-Oppozizzjoni jaqblu li ħruġ mingħajr ftehim għandu jiġi evitat. Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May wieġbet ittra tal-Kap tal-Oppożizzjoni Ingliż Jeremy Corbyn li fiha stiednitu għal taħditiet biex tinstab soluzzjoni. Madankollu, May indikat li ma tistax taqbel ma’ Corbyn li r-Renju Unit jibqa’ viċin is-suq waħdieni biex ikun faċilitat il-kummerċ. Dak favur il-Brexit ma jridx din ir-rabta biex ir-Renju Unit ikun jista’ jinnegozja trattati kummerċjali mal-bqija tad-dinja.

Il-membru parlamentari konservattiv, Boris Johnson li jrid li r-Renju Unit jaqta’ kull rabta mal-Unjoni Ewropea, qal li lest jivvota mal-Gvern, jekk il-Prim Ministru May tikkonvinċi lill-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni tal-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ fuq.

”I think that is the great hope and if she can do that then we are at the races because we then have a chance if we can come out of the backstop, we then have the chance I think in the next stage of the negotiations to do genuine global free trade deals.”

Il-kwistjoni tal-fruntiera tal-Irlanda qed tkun għadma iebsa fin-negozjati. Id-dimensjoni tal-problema hija kbira għas-sigurtà iżda wkoll fuq livell uman. Eżempju ta’ dan hija pompa tal-petrol li tinsab fuq il-fruntiera nofsha fir-Repubblika Irlandiża u nofsha fl-Irlanda ta’ Fuq. Bi Brexit, mingħajr ftehim, sid il-pompa jispiċċa sieq kull naħa, barra u ġewwa l-Unjoni Ewropea. Stqarr li l-problema mhix tiegħu biss.

Sid pompa tal-petrol bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, Eamon Fitzpatrick qal ”people cross the border regularly, there’s some people who might cross the border twice a day, there’s other people who will cross it 30 times a day, and that’s the reality of it around here.”

Jekk jibqa’ ma jintlaħaqx xi ftehim speċjali fuq il-fruntiera, ikollhom isiru spezzjonijiet mill-forzi tas-sigurtà fuq in-nies u fuq il-merkanzija.

L-istennija hija għal għada meta l-Prim Ministru May se taġġorna lill-membri parlamentari dwar l-aħħar żviluppi.

 

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Il-Pulizija qed jinvestigaw is-sejba ta’ kadavru ta’ mara li kienet ilha mejta 3 xhur. TVM huwa infurmat li l-mara hija Ingliża ta’ 69 sena li nstabet mgħottija bil-kutri fis-sodda fi stat…

Saħħa

Bħalissa f’Malta hawn madwar 7,000 persuna li qed tbati mid-dimenzja, din mistennija titla’ għal 13,000 sas-sena 2050. Fl-ewwel konferenza nazzjonali tad-dimenzja, ġiet diskussa din il-marda, kif tolqot lil ta’ madwarha,…

Lokali

Skont il-Perit Carmel Cacopardo, ir-riżenja ta’ Arnold Cassola mill-Alternattiva Demokratika fuq l-abort hija biss skuża. Intervistat fuq il-programm ta’ Television Malta Ras imb ras, il-Perit Cacopardo qal li hu kien…

Aktar