Lokali
AĠĠORNAT: Brexit se jħalli vojt ta’ €13-il biljun fis-sena fil-budget tal-UE

Il-Kap tad-Dipartiment għall-Affarijiet Ewropej, Glenn Micallef, qal li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jħalli vojt ta’ €13-il biljun fis-sena fil-budget Ewropew. F’laqgħa tal-MEUSAC, is-Sur Micallef għamel preżentazzjoni lill-imsieħba soċjali dwar l-aħħar tħejjijiet għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u l-effetti fuq oqsma varji fosthom għall-istudenti tal-programm Erasmus+.

Kważi xahar bogħod mill-ġurnata li r-Renju Unit għandu jitlaq mill-Unjoni Ewropea, il-Kap tad-Dipartiment għall-Affarijiet Ewropej, Glenn Micallef, qal li Malta hi mħejjija sew għal kull eventwalità, anki jekk Brexit iseħħ mingħajr ftehim.

F’laqgħa tal-MEUSAC dwar it-tħejjijiet għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, is-Sur Micallef spjega li Brexit se jħalli vojt finanzjarju ta’ €13-il biljun fis-sena fil-budget Ewropew. Qal li dan il-vojt irid jimtela mill-bqija tal-istati membri. Wissa li ma tista’ tittieħed l-ebda deċiżjoni jekk Brexit ikompli jkarkar.

Dwar l-edukazzjoni, is-Sur Micallef ittratta l-isfida li bi Brexit studenti Maltin tal-programm ERASMUS+ ma jistgħux imorru jistudjaw ir-Renju Unit. Qal li l-Gvern se jesplora l-possibbiltà mal-Gvern Irlandiż biex dawn l-istudenti, minflok imorru jistudjaw l-Irlanda. Hu għamilha ċara iżda li l-istudenti li bħalissa qegħdin f’xi programm tal-ERASMUS+ fir-Renju Unit, se jibqgħu jirċievu l-finanzjament sakemm jintemm il-kors.

Brexit se jaffettwa wkoll il-liċenzji tas-sewqan.

“Jekk inti għandek liċenzja maħruġa mir-Renju Unit u qed tużaha hawn Malta, għandek perjodu ta’ sena sakemm inti tkun tista’ tbiddel il-liċenzja tiegħek f’waħda Maltija u bl-istess mod, jekk inti qiegħed fir-Renju Unit għandek perjodu tranżitorju fejn inti jkollok tibdel il-liċenzja għal waħda maħruġa mir-Renju Unit,” kompla s-Sur Micallef.

Is-Sur Micallef qal li anki dwar il-kwalifiċi professjonali se jidħlu regoli ġodda.

“Hemmhekk ovvjament se jidħlu regoli ġodda once li jkollna tluq bla qbil. Però dawk in-nies li jkunu għamlu applikazzjonijiet biex il-kwalifiċi tagħhom jiġu rikonoxxuti sad-data tat-tluq, se jibqa’ jkollhom dan il-proċess bħallikieku se jibqgħu ċittadini tal-UE,” żied jgħid is-Sur Micallef.

Tenna li jiġri x’jiġri l-ftehim dwar is-saħħa li Malta għandha mar-Renju Unit se jibqa’ fis-seħħ.

Is-Sur Micallef qal li d-Dwana għamlet arranġamenti għax-xenarju ta’ Brexit mingħajr ftehim fosthom fis-sistemi tal-informatika billi jekk isir hekk d-Dwana se jkollha tipproċessa mas-sebat elef dokument fil-ġimgħa għall-merkanzija mir-Renju Unit.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia xebbhu s-saga ta’ Brexit ma’ telenovela, u qalu li l-Gvern hu impenjat li jikseb pakkett finanzjarju ġust għal Malta għas-seba’ snin li ġejjin.