Lokali
ARA: Tajani jitlob investigazzjoni internazzjonali u jiddikjara fiduċja fl-awtoritajiet Maltin

Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea qed jiltaqgħu għal summit ta’ jumejn fi Brussell.  Huwa u dieħel għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta rċeviet offerta għall-assistenza minn Scotland Yard u l-Europol fl-investigazzjonijiet li qed isiru dwar id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia.  Huwa sostna li bħalissa l-esperti forensiċi Maltin qed jgħinuhom fl-investigazzjonijiet kemm l-Olandiżi kif ukoll l-FBI mill-Istati Uniti.

Meta kien qed iwieġeb lill-ġurnalisti, Dr Muscat ċaħad l-allegazzjoni li Malta hi stat mafjuż u saħaq fuq il-ħtieġa li jsir dak kollu possibbli biex l-investigazzjonijiet jitfgħu iktar dawl fuq x’wassal għal dan id-delitt li qal ħalla marka fuq il-pajjiż.  Il-Prim Ministru qal li s-Sinjura Caruana Galizia kienet kritika voċifera tiegħu, tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, filwaqt li sostna li jifhem id-dikjarazzjonijiet li qed isiru minn uliedha.

Ara hawnhekk il-kummenti tal-Prim Ministru:

Sadanittant, f’diskors lill-Kunsill Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani sejjaħ għal investigazzjoni internazzjonali biex tistabbilixxi x’kienu l-motivi li wasslu għall-omiċidju li ddeskriva bħala brutali u xokkanti tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.  Tajani qal li t-talba għal investigazzjoni internazzjonali bl-ebda mod m’għandha timplika nuqqas ta’ fiduċja fil-kompetenzi tal-awtoritajiet tas-sigurtà Maltin.  Huwa esprima t-tħassib li l-qtil tagħha jmur lil hinn mill-konfini Maltin u qal li għalhekk jinħtieġu l-kapaċitjiet speċjalizzati biex tkun magħrufa l-verità u r-raġunijiet għaliex kienet eliminata.  Tajani esprima solidarjetà mal-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u tenna l-istedina li għamel lill-membri tal-familja tagħha għad-dibattitu tat-Tlieta fil-Parlament Ewropew li se jkun iddedikat għaliha.

Ara hawnhekk x’qal Antonio Tajani:

Intant, fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-mexxejja Ewropej hemm in-negozjati dwar Brexit, bil-Prim Ministru Ingliża Theresa May se taġġorna lill-mexxejja waqt il-pranzu llejla dwar l-aktar żviluppi riċenti fin-negozjati.  Uffiċjal ewlieni fil-Gvern Ingliż qal li t-ton tad-diskors x’aktarx se jelenka l-impenn taż-żewġ naħat biex ikun hemm progress fin-negozjati.

F’ġest li qed jitqies bħala rikonċiljatorju, May kitbet ittra lill-aktar minn tliet miljun ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jgħixu fir-Renju Unit li fiha qalet li dawk li diġà jgħixu se jkunu jistgħu jibqgħu residenti fir-Renju Unit u li ċ-ċittadini Ewropej mhux se jintużaw bħala “bargaining chips” fin-negozjati.

Skont it-Times ta’ L0ndra, kwistjoni li dwarha mhux qed jaqblu l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit hija l-ammont dovuta għall-pensjonijiet tal-uffiċjali Ewropej. Brussell trid €11-il biljun għal dan, bir-Renju Unit tgħid li l-ammont għandu jkun qrib it-€3.5 biljun.

Fi Brussell, il-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jaġġorna lill-mexxejja Ewropej dwar l-miżuri li kienu implimentati biex ikunu ikkontrollati t-traffikanti li qed jittrasportaw l-immigranti illegali mill-baħar Mediterran. Il-Kunsill Ewropew se jiddiskuti wkoll l-progress li sar dwar ir-riformi fis-sistema komuni Ewropea għall-ażil.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-istorja ta’ Cinderella se tkun il-qofol tal-opra mill-pinna tal-kompozitur Malti tas-seklu dsatax Nicolo Isouard, li se tittella’ fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla fit-Teatru Manoel. Din se tkun it-tielet opra fil-programm ta’…

Lokali

Għall-ħabta ta’ nofsinhar, l-Imsaġar tal-Aħrax inbelgħu min-nirien, fl-istess post fejn kien qabad daqs xahar ilu. Fin-nirien tal-lum, jidher li ġew meqruda ammont konsiderevoli ta’ siġar tal-Prinjol li għandhom ‘il fuq…

Lokali

Malta kisbet punti tajbin fl-iscoreboard dwar l-innovazzjoni fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li ġie pubblikat illum fi Brussell. F’rapport ta’ aktar minn mitt paġna li janalizza diversi aspetti tal-innovazzjoni fil-pajjiżi tal-Unjoni…

Lokali

Ġie inawgurat ir-restawr tal-Bieb ta’ Hompesch. Ir-restawr sar mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura u Gvern Lokali. Il-Bieb ta’ Hompesch inbena fl-1801 fuq ix-xewqa taż-Żabbarin ad unur il-Gran Mastru Hompesch,…

Aktar