Lokali
Brian Tonna jkompli jixhed quddiem il-PAC

Il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi kompla l-eżami tiegħu dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq l-għoti tal-kuntratt għall-bini tal-power station lill-kumpanija Electrogas.

Wieħed miż-żewġ sidien tal-kumpanija Nexia Brian Tonna kompla jwieġeb għall-mistoqsijiet mill-membri tal-kumitat primarjament mid-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Ryan Callus u ċ-Chairman Beppe Fenech Adami.

Għal xi mistoqsijiet is-Sur Tonna invoka d-dritt tas-silenzju minħabba proċeduri kriminali u inkjest maġisterjali li qed jiffaċċja.

Fost oħrajn qal li dokumenti mitluba mill-Kumitat jinsabu għand il-Qorti, iżda fosthom hemm kopji ta’ dokumenti li qegħdin għand l-Awditur Ġenerali. L-Avukat Stephen Tonna Lowell, f’isem ix-xhud qal li ppreżenta rikors fil-qorti dwar mistoqsijiet u dokmenti li ntalbu.

Is-Sur Tonna tenna li kien ġie ingaġġat biex jevalwa s-saħħa finanzjarja taż-żewġ bidders mill-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta. Qal li dan sar skont informazzjoni li l-istess bidders ippreżentaw. Żied jgħid li f’dan l-istadju ma kienx hemm lok għal interpretazzjoijiet. Qal li qatt ma ra persuni politiċi f’laqgħat tekniċi mill-Enemalta. Huwa qal li wara li saret l-aġġudikazzjoni finali tas-sejħa tal-offerti, ma baqax involut fil-proġett.

Ix-xhud Tonna fisser li kienet il-kumpanija Mossack Fonseca li semmiet ammonti ta’ flus li kellhom jiġu investiti biex jinfetħu kontijiet f’banek mill-kumpaniji MacBridge u 17 Black. Dawn il-kontijiet qatt ma nfetħu għax il-parametri li stabbiliet Mossack Fonesca qatt ma ntlaħqu. Huwa qal li ma kienx jaf min huma is-sidien ta’ dawn iż-żewġ kumpaniji u ma kienx kuntent meta sar jaf min kien is-sid ta’ 17 Black.