Lokali
Brian Tonna qal li l-Awditur Ġenerali ma sab xejn ħażin fl-involviment tiegħu fil-kumitat tal-Enemalta

Il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi kompla l-investigazzjoni dwar il-kuntratt tal-Electrogas wara r-rapport maħruġ mill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, bix-xhud uniku jkun Brian Tonna wieħed mill-imsieħba tal-kumpanija NEXIA BT, li m’għadhiex topera. Fil-bidu tal-laqgħa, l-avukat ta’ Brian Tonna qal li kien se jikkontesta r-ruling tal-Ispeaker f’kawża kostituzzjonali għax ir-ruling qal ma jindirizzax persuni suspettati b’reat.

Brian Tonna wieġeb kważi l-mistoqsijiet kollha li sarulu u qal li kien involut f’kumitat tal-Enemalta biex Nexia BT iddaħħal id-data tal-kumpaniji li tefgħu sejħa għall-offerti għall-kuntratt tal-power station tal-gass. Huwa irrimarka li l-Awditur Ġenerali ma sab xejn ħażin fuq din il-ħidma. Is-Sur Tonna assigura lill-kumitat parlamentari li kien se jippreżenta l-invoices kollha ta’ xogħol li għamel lill-Enemalta. Iċ-chairman tal-kumitat Beppe Fenech Adami qal li l-awditur sab nuqqasijiet serji fl-aspett finanzjarju tal-proċess, bix-xhud iwieġeb li m’għamel l-ebda due diligence u ma skwalifika lil ħadd mill-proġett.

Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-ex Minsitru Konrad Mizzi, Brian Tonna wieġeb li ma kienx jafu qabel l-elezzjoni tal-2013 u xi sentejn wara kien introduċieh mal-kumpanija Mossack Fonesca biex iwaqqaf trust li nfetħet fi New Zealand b’kumpanija reġistrata fil-Panama. Qal li d-dħul fit-trust kien ġej minn renta ta’ prorpjetà li l-ex Minsitru Mizzi kellu fir-Renju Unit. Qal li dan ix-xogħol ma kellu x’jaqsam mal-kuntratt tal-Electrogas.

Huwa qal ukoll li ltaqa’ darbtejn ma’ Chen Cheng u fetaħlu l-kumpanija Macbridge. Snin wara li ntemm il-proċess tal-Electrogas, il-kumpanija tiegħu nħatret bħala awditur ta’ kumpanija ta’ Yorgen Fenech.