Barranin
Britney Spears tgħid fil-Qorti li kulma trid ħajjitha lura

L-artista Amerikana Britney Spears fetħet attakk qawwi kontra missierha li nħatar mill-qorti biex jieħu ħsiebha kemm bħala persuna u kemm il-ġid kollu tagħha. Hija akkużatu li kkontrollalha ħajjitha għal 13-il sena sħaħ.

Hija qalet li kienet trawmatizzata u bkiet kuljum minħabba l-mod kif ġiet trattata u qalet lil imħallef f’Los Angeles li kulma trid ħajjitha lura.

Spears li għandha 39 sena qalet ukoll li tneħħielha d-dritt li jkollha aktar tfal u bdiet tingħata droga psikjatrika kontra r-rieda tagħha.

Kien fl-2008 li l-qorti ordnat biex missierha biex jieħu kontroll tal-affarijiet tagħha. Din l-ordni tinħareġ għal persuni li ma jkunux f’qagħda li jieħdu deċiżjonijiet minn rajhom bħal dawk li jbatu bid-dimensja jew b’mard ieħor mentali.

Fil-każ tal-kantanta ċelebri, l-ordni ngħatat wara li ddaħħlet l-isptar minħabba li kienet qed tbati minn problemi ta’ saħħa mentali.

Is-seduta speċjali tal-Erbgħa kienet l-ewwel waħda mindu Spears tkellmet fil-miftuħ fil-qorti dwar il-każ.

Il-Qorti Superjuri ta’ Los Angeles ippreseduta mill-Imħallef Brenda Penny tat ħajr lil Spears għall-kliem ta’ kuraġġ tagħha matul il-proċeduri.

Fil-qorti Spears tkellmet b’mod passjonali għal aktar minn 20 minuta li matulhom saħqet li għandha dritt ikollha ħajja. Hija qalet li tul is-snin gidbet meta qalet li d-dinja kollha li kienet tinsab tajba u li kienet kuntenta.

“Miniex kuntenta. Miniex norqod u rrabjata ħafna. Għandi dipressjoni u nibki ta’ kuljum”, qalet il-kantanta.
Spears li hija omm ta’ żewġt itfal, qalet li riedet tiżżewweġ lis-sieħeb tagħha u jkollha tarbija oħra, iżda ma tħallitx. Hija akkużat lil missierha li waqqafha milli tneħħi tagħmir minn ġisimha biex tkun tista’ tinqabad tqila.

Hija qalet fil-qorti li jistħoqqilha jkollha l-istess jeddijiet bħal kull persuna oħra, billi jkollha tarbija u familja.

Spears żiedet tgħid li kienet imġiegħla tagħmel tour mill-maniġment tagħha u li tkellmet kontra li tmur tgħix f’residenza f’Las Vegas. Qalet li b’mod qarrieq ingħad lit-terapist tagħha li ma kinitx qed tikkopera u ma kinitx qed tieħu l-mediċini. Kien hawn li allegat li bdiet tingħata droga li ħafna drabi tingħata lil dawk li jkollhom diżordi bi-polari kontra x-xewqa tagħha. Qalet li b’din id-droga kienet tħossha fis-sakra u ma tistax titkellem.

L-avuakt li qed jidher għal missierha Jamie Spears, qal li dan jinsab imħasseb bl-allegazzjonijiet li qed tagħmel fil-qorti l-kantanta. Qal li jinsab iddispjaċut jara lil bintu tbati u b’dan l-uġigħ kollu. Qal li hu jħobb lil bintu u qed iħoss ħafna n-nuqqas tagħha.

B’din l-ordni, il-kantanta ma setgħetx tikkontrolla l-finanzi tagħha sa mill-2008 – iż-żmien li fih kienet għaddejja minn proċeduri ta’ divorzju minn ma’ żewġha Kevin Federline u l-kustodja ta’ wliedha.

Hija kienet ukoll fl-aħbarijiet wara li kienet qaxret xagħarha u ddaħħlet l-isptar darbtejn.