Barranin
Britney Spears tħabbar l-għerusija ma’ Sam Ashgari imma ma tistax tiżżewweġ

Britney Spears ħabbret li tgħarrset lil Sam Ashgari, iżda qalet li minħabba t-termini ta’ kontroll li l-Qorti imponiet fuqha, għadha ma tistax tiżżewweġ jew ikollha iktar tfal.

Spears, li issa għandha 39 sena, diġà għandha żewġ ulied minn Kevin Federline, bil-koppja li kienu ddivorzjaw lura fl-2007.

Hija ilha snin f’relazzjoni ma’ Ashgari, li għandu 27 sena, wara li kienet iltaqgħet miegħu fuq is-sett ta’ filmat mużikali ħames snin ilu.

Xahrejn ilu Qorti Amerikana iddeċidiet li l-ħajja ta’ Britney Spears għandha tibqa’ fil-kontroll ta’ missierha Jamie Spears, skont ordni li ngħatat 13-il sena ilu, meta kien hemm tħassib fuq l-istat ta’ saħħa mentali tal-kantanta.

Ftit wara s-sentenza, Spears ħabbret li se tieħu passi kriminali kontra missierha, fejn allegat li kien krudili magħha u li abbuża mis-setgħa ta’ kontroll li tatu l-Qorti.

Il-ġimgħa li għaddiet missierha ressaq rikors quddiem il-Qorti biex din tikkunsidra mill-ġdid il-bżonn li l-ħajja ta’ bintu tibqa’ taħt kontroll tiegħu jew ta’ terzi.

Ara wkoll:

Qorti Amerikana tiddeċiedi li ħajjet Britney tibqa’ fil-kontroll ta’ missierha

Britney Spears trid tieħu passi kriminali kontra missierha