Kurżitajiet
Britney Spears tingħata d-dritt li tagħżel avukat fil-kawża kontra missierha

Imħallef ta lill-kantanta magħrufa Britney Spears id-dritt li tagħżel liema avukat trid fil-kawża li qed tagħmel kontra missierha biex dan ma jibqax jieħu ħsieb l-affarijiet tagħha.

Mill-2008 ‘il hawn hija kellha lill-Avukat Samuel Ingham jiddefendiha imma dan kien maħtur fuq ordni tal-Qorti. Ingham iddeċieda li jieqaf jiddefendiha l-ġimgħa li għaddiet.

Spears qed titlob lill-Qorti Amerikana biex missierha Jamie (ritratt) jitwaqqaf mill-ftehim legali li bih jiddeċiedi x’isir minn dak kollu li huwa tagħha nkluż il-finanzi.

F’appell li kienet għamlet lill-imħallef hija qalet li l-Qorti Amerikana kienet qed tippermetti lil missierha jeqirdilha ħajjitha.

“Irrid neħles minn missieri u nakkużah li abbuża mid-deċiżjoni li fiha ngħata s-setgħa li jikkontrolla affarijiet li huma tiegħi”.

Wara li ngħatat d-dritt li tagħżel avukat hi Spears tellgħet filmat fuq l-Instagram tagħmel il-gabirjoli.

Il-kantanta, li għandha żewġt itfal, qalet pubblikament li hija tixtieq li tiżżewweġ lis-sieħeb tagħha u jkollhom tarbija imma l-Qorti qed iżżommha milli tagħmel dan.