Waqt il-Kafé
B’Tal-Linja ddur id-Dinja

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Meta tkun żgħir tara d-dinja isbaħ, aktar ikkulurita. Anki fi żmien meta r-ritratti kienu black and white, forsi għax tkun żgħir kollox tarah isbaħ. Ehhh… in-nostalġija tat-tfulija. Imqar kont tmur fuq stejġ tal-linja, kont tagħraf liema karozza ġejja mhux għax tara n-numru, imma skont il-kulur li bih miżbugħa.

Kont tara l-karozzi tal-linja madwar il-funtana ta’ Putirjal kollha lwien differenti. Tal-Kottonera kienu ħodor ċari, ta’ Birkirkara ħomor u tar-Rabat blu. Taż-Żurrieq kienu oranġjo, tan-naħa ta’ Tas-Sliema ħodor skuri, ta’ Ħaż-Żabbar ħomor bil-faxx blu u ta’ Ħaż-Żebbuġ sofor, u ġieli bil-faxx oranġjo għas-Siġġiewi.

Kien hemm rotot li ma kinux jieqfu Putirjal, imma fuq Kastilja. Dawn kienu tal-Gudja u Ħal Għaxaq li kienu blu bil-faxx lewn il-krema, ta’ Kalafrana ċelesti bil-faxx abjad u aħmar, taż-Żejtun ħomor bil-faxx aħdar, oħrajn ħomor bil-faxx abjad u aħmar ta’ Casal Lija, tal-Mosta u n-Naxxar kannella u tal-Mellieħa bojod bil-faxx ċelesti.

Kellek imbagħad il-“privates”, jiġifieri li ma jaħdmux fuq il-linja imma jinkrew lil min iqabbadhom. Dawn kienu sofor ċari. F’Għawdex tal-linja kienu griżi bil-faxx aħmar kif għadhom sa llum.

Jgħidu li kien hemm żmien meta Tas-Sliema kienu kollha ta’ Gasan, imma fiż-żmien li niftakar jien tal-linja kienu kollha misjuqa minn sidhom stess. U għax kienu tagħhom, kienu jżommuhom pinna, bil-bumpers u x-xibka tan-nickel illustrati. Ħafna minnhom kienu trakkijiet tal-militar mibdula għall-passiġġieri minn nies tas-sengħa Maltin stess.

Kienu jkunu miżbugħin anki bit-tberfila li hija tabilħaqq arti li qiegħda tintilef. Fuq ġewwa kien ikun hemm xi niċċa wara dahar ix-xufier b’xi kliem bħal In God We Trust. Mhux ix-xufiera kollha kienu ħelwin. Ġieli kont issib min m’għandux paċenzja, forsi minħabba l-ħinijiet twal u stressanti li kienu jaħdmu. Imma kont issib xufiera orrajt ukoll, bħal Charlie l-Kalora, ġinġer minn Raħal Ġdid li mhux biss jagħti servizz bi tbissima, imma kont ġieli tisimgħu ikanta waqt li jsuq!

Ma rridx ninsa li fi żmien kien hemm ukoll il-kunduttur, bil-beritta bħalma suppost kienu x-xufiera. Dan kellu pouch imdendel taħt żaqqu biex fih iżomm il-flus għax xogħlu kien li jaqta’ l-biljetti. Meta jitilgħu jew jinżlu n-nies, dan il-kunduttur kien jagħti sinjal lix-xufier biex isuq b’tisfira twila.

Darba xi ħadd qalli li b’tal-linja ddur id-dinja. Le ma ddurx id-dinja, imma kieku kellna nużawhom imqar biex induru f’Malta niffrankaw ħafna traffiku u dħaħen. Din kulħadd jgħidha, imma rari ssib min jipprattikaha, jien l-ewwel wieħed.

Il-karozza wara l-bieb komda… sakemm nibqgħu insibu nipparkjaw wara l-bieb!

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Raġel ta’ 49 sena residenti l-Gżira nħeles mill-arrest wara li darab ħafif lis-sieħba tiegħu li jgħixu flimkien. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, il-vittma qalet li tixtieq li jibqgħu jgħixu flimkien u…

Qorti

Liam Debono nżamm arrestat wara li mill-ġdid sab ruħu l-Qorti b’rabta mal-arrest li seħħ ilbieraħ wara li nqabad isuq mingħajr liċenzja. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Debono ġie akkużat li lbieraħ…

Aktar