Safar
Btala tal-ħolm fejn il-mobiles huma pprojbiti – kieku inti tmur?

Xi lukandi u villaġġi turistiċi jiddependu fuq il-media soċjali biex iħajru lin-nies iqattgħu btala fihom.

Iżda post partikolari fl-Indoneżja qed jieħu approċċ differenti. Ayana Resort and Spa f’Bali mhux jippermetti lil min imur joqgħod hemm juża smartphones meta jkun qed jirrilassa ħdejn il-pixxina bejn id-9am u l-5pm bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa. Dawk li ma jridux iħallu t-tagħmir elettroniku waħdu fil-kamra, jista’ jħallihom f’lockers apposta.

Din ir-regola tapplika kemm għall-ismartphones, kif ukoll għat-tablet, kindles, kameras diġitali u kull tagħmir ieħor tekonoloġiku li ma jħallikx tinqata’ mill-kumplament tad-dinja għal ftit ħin. L-għan huwa li min imur f’dan il-villaġġ turistiku joqgħod għal ftit jiem trankwill jirrilassa u minflok juża t-teknoloġija, jaqra xi ktieb jew rivista jew joqgħod jgħum bil-kwiet.

Filwaqt li għal uħud diffiċli jaqtgħu għal kollox il-kuntatt waqt li jkunu qed jivjaġġaw, hawn min qed jippreferi jitfi t-tagħmir elettroniku li jkollu meta jkun fuq btala biex verament jagħmel ftit jiem ta’ rilassament mingħajr ma joqgħod jieħu miegħu l-problemi tax-xogħol jew affarijiet oħrajn li jistgħu jtellfulu l-btala.

Għalhekk jekk qed tippjana li tmur Bali u tixtieq tinqata’ ftit mid-dinja mgħaġġla billi titfi l-ismartphone, tista’ tikkunsidra dawn il-villaġġi turistiċi li qed jiddintossikaw lit-turisti mid-dinja teknoloġika li qed ngħixu fiha bħalissa!