Budget 2016: Il-Gvern jipproponi nefqa ta’ €3,800 miljun

Fil-Budget għas-sena d-dieħla l-gvern qed jipproponi nefqa ta’ €3,800 miljun.

Bit-tema ‘Malta – Ekonomija B’Saħħitha’ il-budget għas-sena d-dieħla jindirizza tmien prijoritajiet fejn tkompli titneħħa d-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali u jiġi nċentivat ix-xogħol u l-investiment fil-pajjiż.

Għas-sena d-dieħla il-Gvern qed ibassar tkabbir ekonomiku ta’ 3.6 fil-mija; żieda ta’ 1.3% fl-impjiegi u tnaqqis ta’ 0.1 fil-mija fil-livell tal-qgħad għal 5.6%.

Id-defiċit se jkun ta’ 1.6% din is-sena u se jkompli jonqos is-sena d-dieħla għall-1.1% tal-prodott domestiku gross.

Id-dejn nazzjonali bħala persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross hu stmat li jkompli jonqos b’1.3% fuq din is-sena għal 65.2% tal-Prodott Domestiku Gross.

L-istimi tal-baġit juru li fl-2016 il-Gvern se jagħlaq bi żbilanċ bejn id-dħul u l-ħruġ ta’ €196 miljun.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ħabbar fost l-oħrajn li iktar faxex tal-ħaddiema se jgawdu mit-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul u żidiet fil-pensjonijiet għal dawk li jaqilgħu inqas minn €140 fil-ġimgħa.