Lokali
Budget 2020: żieda ta’ 20% fl-allokazzjoni finanzjarja għal Għawdex

Il-budget għas-sena d-dieħla żied il-fondi lill-Ministeru ta’ Għawdex bi €11-il miljun. Il-Ministru Justyne Caruana indikat uħud mill-proġetti li se jitwettqu b’fondi mill-budget tal-gvern. F’konferenza tal-aħbarijiet fil-foss taċ-Ċittadella, Dr Caruana qalet li l-miżuri għal Għawdex huma msejsa fuq il-ħolqien tax-xogħol, it-titjib tal-infrastruttura u l-konnettività.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-budget għas-sena d-dieħla hu dikjarazzjoni b’saħħitha favur Għawdex billi l-fondi lill-Ministeru se jiżdiedu b’20%.

“Li tfisser 11-il miljun iktar li matul l-2020 ħa ninvestu f’inizjattivi u fi proġetti f’Għawdex għall-Għawdxin. Qed naraw kif il-miżuri tal-budget jistgħu essenzjalment jinqasmu fi tliet pilastri li huma ffukkati fuq il-ħolqien tax-xogħol, l-infrastruttura u l-konnettività,” qalet il-Ministru Justyne Caruana.

Il-Ministru Caruana qalet li hemm vot ta’ €10 miljun għat-toroq f’Għawdex meta sa ftit tas-snin ilu Għawdex kien jieħu biss miljun għal dan il-għan. Fost l-oħrajn semmiet li se jsiru xogħlijiet fi Triq l-Imġarr, li min-Nadur twassal sal-Port tal-Imġarr, u t-triq b’tul ta’ erba’ kilometri li mir-Rabat twassal sa Marsalforn.

Qalet li ftit tal-ġimgħat oħra se jinfetħu r-Research and Innovation Hub fix-Xewkija u l-iskola Medika ta’ Barts. Dr Caruana qalet li se jsir investiment biex il-vetturi tal-Gvern jinbidlu għal elettriċi bil-għan li Għawdex tkun destinazzjoni ambejntali.

Dwar il-konnettività, Dr Caruana qalet li l-proġett tal-mina għaddej skont il-pjan stabbilit fl-istess waqt li se jsir investiment biex tiżdied l-effiċjenza tal-Gozo Channel permezz tar-raba’ vapur u s-sistema elettronika tal-biljetti. Żiedet li għaddej ix-xogħol biex jiġi introdott is-servizz tal-fast ferry. Dr Caruana qalet li l-konnettività bejn iż-żewġ gżira se tkompli titjieb bl-istallazzjoni tat-tieni fibre optic.

Qalet li skont l-Uffiċċju tal-Istatistika, din is-sena Għawdex kellu l-inqas rata ta’ qgħad. Semmiet li l-Gvern qed jalloka miljun u tliet mitt elf ewro għal impjiegi ġodda u ta’ kwalità u miljun ieħor biex kumpaniji Maltin u barranin jiftħu f’Għawdex.

Spjegat li qed jiġu esplorati niċeċ ġodda u għalhekk inħoloq fond biex Għawdex isir destinazzjoni għall-konferenzi, il-laqgħat u attivitajiet.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Infrastructure Malta appik li tibda operazzjoni delikata, biex taqla’ sħiħ mill-blat qabar tal-perjodu Puniku-Ruman, u tpoġġih fil-ġenb ta’ triq ġdida li qed tibni f’Ħ’Attard. B’hekk din is-sejba ta’ valur arkeoloġiku,…

Immigrazzjoni

TVM jinsab infurmat li matul il-lejl li għadda, grupp ta’ madwar 90 immigrant li ġew salvati fil-Mediterran fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta ttieħdu fuq vapur tal-Captain Morgan li…

COVID-19

Il-pandemija u r-reħi tar-restrizzjonijiet ġabu magħhom l-użu tal-maskra. Filwaqt li ħafna qed jużawha kif obbligati jagħmlu f’ħafna postijiet pubbliċi, osservajna li bosta qed jilbsu biex taparsi libsuha. Id-Direttur tad-Direttorat tal-Promozzjoni…

Aktar