Lokali
Budget 2021: Skemi biex iħajru żgħażagħ isiru bdiewa

Preżentazzjoni oħra dwar il-budget trattat il-Ministeru għall-Agrikoltura u s-Sajd, bil-Ministru Anton Refalo jgħid li waħda mill-akbar miżuri li tħabbru hi r-rifużjoni ta’ 3% taxxa li l-bdiewa u s-sajjieda jħallsu meta jdaħħlu prodotti fil-Pitkalija u l-Pixkerija. Dawn il-flus se joħduhom lura fi grants biex jagħmlu investiment fi proġetti li jnaqqsu l-ħela ta’ prodotti agrikoli u ta’ ħut, fl-istess ħin li jiddaħħlu sistemi li jikkontrollaw l-ammont ta’ prodotti li jiddaħħlu fis-suq skont id-domanda tal-konsumatur.

Dr Refalo qal li miżura oħra hi dik tal-Young Farmer li permezz tagħha se jiddaħħlu skemi biex jinkoraġġixxu aktar bdiewa żgħażagħ u inizjattivi bl-użu tal-intelligenza artifiċjali

“Hemmhekk aħna nkunu nafu permezz ta’ drones x’hemm fl-għelieqi, bħal mard fil-pjanti, u hemmhekk ukoll nistgħu nattiraw liż-żgħażagħ minħabba li qed iddaħħal ukoll l-artificial intellegence fiha,” spjega l-Ministru Refalo.

Il-Ministru Refalo tkellem ukoll dwar il-bini tal-Fisheries Hub fil-Marsa b’investiment ta’ kważi €3 miljun u r-restawr tad-dgħajjes b’nefqa ta’ €250,000.